“Iktar minn 25,000 impjieg fil-ħames snin li ġejjin” – Dr Lawrence Gonzi

Waqt attivitá politika taħt it-tinda fiż-Żurrieq, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi żvela li jekk jingħata l-fiduċja li jerġa jigverna mistennija jinħolqu iktar minn 25,000 impjieg ġdid fil-ħames snin li ġejjin filwaqt li fakkar li ser jigradwaw mat-22,000 student u studenta mill-Università u mill-MCAST.

Il-Prim Ministru feraħ lill-kantanti li ħadu sehem fil-Malta Eurovision Song Contest u feraħ b’mod speċjali lir-rebbieħ Gianluca Bezzina li huwa tabib zagħżugħ, artist u kantant u li għalhekk fi kliem il-Prim Ministru jixhed kemm il-poplu Malti huwa mogħni bit-talenti.

Il-Prim Ministru tkellem fuq il-miżbla li ngħalqet f’Wied Fulija u tkellem fuq l-ikbar Park Nazzjonali li ser jinfetaħ f’Marsaskala. Il Prim Ministru fakkar fir-rijabilitazzjoni ta’ f’Wied iż-Żurrieq, il-park ta’ l-avjazzjoni, fl-industrija ġdida viċin Ħal Safi u l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Belt Valletta fiż-Żurrieq. Dr Gonzi saħaq fuq l-importanza ta’ l-impjiegi fil-fabbrika ST Microelectronics u ż-żona industrijali ta’ Ħal Far. Il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza fit-taħriġ dwar il-manifattura li qed jingħata fil-Campus il-ġdid tal-manifattura.

Il-Prim Ministru fakkar lil dawk li jinsabu indeċiżi dwar id-destin tal-vot tagħhom minħabba l-kwistjoni tax-xogħol, sabiex jiftakkru fil-qagħad għoli fil-Greċja. Dr Gonzi qal li m’hemmx il-ħtieġa li nippruvaw l-Partit Laburista għax dejjem ta pariri ħżiena lil Malta billi mexa fuq il-linji ta’ pajjiżi li ħadu deċiżjonijiet ħżiena.