Iktar minn 200 ruħ jattendu l-ikla mill-Caritas

Iktar minn 200 ruħ bejn persuni anzjani, persuni bla dar u persuni vulnerabbli attendew għal ikla li saret għall-ewwel darba fuq inizjattiva ta' Caritas Malta.
Għall-bidu kienu mistennija jattendu mal-40 persuna li kienu se jqattgħu il-Milied waħedhom. L-ikla kellha ssir f'dar taċ-ċentru Outreach tal-Caritas, iżda minħabba r-rispons qawwi, il-post kellu jinbidel u l-ikla saret f'sala tal-Kurja fejn hemm l-uffiċji tal-Caritas.
L-idea twieldet minn kliem Papa Franġisku li appella għal azzjoni ta' ħniena matul dan il-Ġublew tal-Ħniena.
Grazzi għall-ħaddiema u l-volontiera ta' Caritas Malta, bosta persuni llum qattgħu il-Milied f'atmosfera ta' familja u sabu ma' min jgħidu kelma u jaqtgħu ftit mis-solitudni li jsibu ruħhom fiha ta' kuljum. 
L-Arċisqof Charles Scicluna, il-President Marie Louise Coleiro Preca u l-President Emeritu, George Abela żaru l-voluntiera u lil dawk li attendew għal din l-ikla.