Iktar minn 2 Maltin b’mandat Ewropew ta’ arrest fis-sena

Iktar minn żewġ Maltin fis-sena jinħarġilhom mandat ta’ arrest Ewropew.

Dan ħareġ minn informazzjoni li ppreżenta fil-Parlament ll-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici meta ġie mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

Mandat ta’ arrest Ewropew huwa mandat validu mal-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea, u jinħareġ meta jkun hemm bżonn li pajjiż jarresta ċittadin li jinsab f’pajjiż ieħor. Mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ April ta’ din is-sena ġew esegwiti 83 mandat ta’ arrest Ewropew fil-Qorti ta’ Malta.  Fosthom hemm 19-il Malti.  13 mill-imfittxija kienu nisa.

Fl-2015, ġew esegwiti aktar minn 22-il mandat ta’ arrest, l-aktar sena b’mandati f’Malta mill-2013.

It-traffikar tad-droga kien l-aktar reat kriminali li rriżulta f’mandati, b’totali ta’ 22 reat.

Quddiem il-Qorti ta’ Għawdex kien hemm mandat ta’ arrest Ewropew wieħed, li ma nżammitx statistika dwaru.

Mandati Ewropej: 10 arrestati f’Malta kull sena

Intant, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ppreżenta statistika oħra fil-Parlament, li turi li bejn l-2013 u l-15 ta’ April 2019, ġew arrestati mal-10 persuna f’Malta kull sena, li jkunu qed jitfittxew b’mandati Ewropej.

B’kollox f’dan il-perjodu ġew arrestati f’Malta 68 persuna. 18 minnhom huma Taljani, filwaqt li disgħa huma Maltin.

Nazzjonalitajiet oħra li minnhom ġew arrestati dawn il-persuni huma d-Danimarka, ir-Rumanija, il-Ġermanja, il-Kroazja, l-Ukraina, l-Ingilterra, l-Ungerija, il-Polonja, l-Olanda u l-Bulgarija.

Ir-reati li għamlu jinkludu qtil, frodi, logħob tal-azzard illegali, evażjoni tat-taxxa u traffikar tal-bnedmin. L-età tal-persuni arrestati tvarja bejn 22 u 70 sena.