​Iktar minn 150 koppja se jingħataw trattament tal-IVF din is-sena

Hemm 30 koppja li bdiet il-proċess biex fl-aħħar ta’ Jannar jibdew isirulhom ċikli tal-IVF.
Il-pjan tal-Gvern hu li jkun hemm sessjoni kull xahrejn biex is-servizz fl-Isptar Mater Dei jingħata lil bejn 150 u 200 koppja sal-aħħar tas-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Supplimentari tal-Whip Laburista Godfrey Farrugia.
Tenna dak li qal ix-xahar li għadda, li s-servizz tal-IVF se jibda jingħata b’mod regolari mill-Isptar Mater Dei minn dan ix-xahar.
Bi tweġiba għal Mistoqsija Supplimentari oħra, tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis, is-Segretarju Parlamentari qal li s’issa kien hemm 330 koppja li applikat għal dan is-servizz. Fakkar li hemm kumitat imwaqqaf apposta li joħloq prijorità tal-applikanti li jkunu jilħqu l-kriterji ta’ eliġibilità.