Iktar minn 150,000 abbonament tal-internet f’Malta

Fit-tliet xhur bejn Lulju u Settembru li għaddew, iktar persuni f’Malta kellhom abbonament għall-internet biex issa laħaq l-għadd ta’ 151,452 abbonament.
Ċifri tal-NSO juru li bejn is-sajf li għadda u dak ta’ qabel, kien hemm 6.7% iktar ta’ abbonamenti għall-internet fil-pajjiż.
Anke l-abbonament għas-servizz tat-televiżjoni kompla jiżdied waqt li żdiedu bi ftit dawk li għandhom linja fissa tat-telefon għad li naqsu l-minuti ta’ telefonati.
Min-naħa l-oħra, komplew jiżdiedu l-abbonamenti għal-linji tat-telefonija ċellulari, biex issa qabżu l-232,000 linja.
Żdied ukoll it-tul ta’ ħin li wieħed jagħmel fuq it-telefon ċellulari għad li naqsu l-SMSs meta wieħed ikun imsiefer.
Fejn tidħol il-posta, kompliet ix-xejra tal-aħħar żmien fejn naqset il-kwantità ta’ posta tradizzjonali iżda kien hemm iktar ħtieġa ta’ servizzi permezz ta’ kurrieri.