Iktar minn 11,000 student fis-sena akkademika ġdida tal-Università

L-Università ta’ Malta fetħet il-bibien tagħha għal sena akkademika ġdida llum.
B'kollox, hemm total ta’ 11,226 student għal total ta' 777 kors. Għal darb’oħra, l-għadd ta’ tfajliet jaqbeż dak tal-ġuvintur – 6,471 studenti nisa u 4,755 studenti rġiel.
3,461 student bdew kors ġdid, 890 minnhom bdew kors post-graduate. Din is-sena hemm 655 student barrani li ġejjin minn 80 pajjiż differenti. 
Filwaqt li ta merħba lill-istudenti li bdew is-sena akkademika ġdida, il-Professur Juanito Camilleri, Rettur tal-Università, semma' l-ħames proġetti li qed taħdem fuqhom l-Università biex tkompli ttejjeb il-faċilitajiet tagħha.
Fost dawn hemm żewġ proġetti li mistenni jibda x-xogħol fuqhom fis-sentejn li ġejjin, b'investiment ta' €75 miljun – il-Kumpless għall-Ħajja Sostenibbli li jiġbor fih fakultajiet u istituti differenti, u l-bini ta' Kumpless ta' Laboratorji, magħruf bħala l-"Inkubatur għar-Riċerka".