Iktar minn 1,000 persuna mietu bil-COVID-19 fl-Ingilterra

Fl-Ingilterra llum ġew ikkonfermati li mietu 260 persuna għalhekk it-total ta’ persuni mejta tela’ għall-1,019-il persuna.

S’issa it-total ta’ persuni kkonfermati li għandhom il-coronavirus fl-Ingilterra huwa ta’ 17,089 persuna.

Il-Gvern Ingliż ħabbar li persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa li għandhom is-sintomi jew jgħixu ma’ persuni li għandhom il-coronavirus se jkunu qed jiġu ttestjati u dawn se jkunu qed jingħataw prijorità.

F’Wales, fl-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq, persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa diġà qed jiġu ttestjati.

Dan huwa l-akbar ammont ta’ persuni li mietu f’ġurnata fl-Ingilterra. L-età tal-persuni li mietu tvarja bejn it-33 sena u l-100 sena. 13-il persuna ma kellhomx problemi ta’ saħħa qabel ma ġew f’kuntatt ma’ dan il-virus.

S’issa fl-Iskozja kien hemm 40 persuna mejta, f’Wales 38 u fl-Irlanda ta’ Fuq 15–il persuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn