Iktar minn 10,000 ċittadin tal-UE jaħdmu f’Malta

Malta u Għawdex qed jilqgħu 10,035 ħaddiem li ġejjin minn pajjiżi oħra membri tal-UE, li jaħdmu full-time jew part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom.
9,686 ħaddiem qed jaħdmu f’Malta filwaqt li 349 f’Għawdex.
L-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru responsabbli mix-Xogħol Evarist Bartolo għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
L-ikbar numru ta’ ħaddiema hu mir-Renju Unit, b’2,074 segwit mill-Italja b’1,668. Il-bqija tal-ewwel għaxar postijiet huma kif ġej:
Il-Bulgarija b’859 ħaddiem, l-Ungerija b’645, Spanja b’593 segwita mill-Isvezja b’564, ir-Rumanija b’522 u l-Ġermanja b’513-il ħaddiem, Franza b’497 u l-Polonja bi 316.
L-inqas, il-Lussemburgu b’żewġ ċittadini jaħdmu f’Malta.
Il-bqija tal-ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi li għandhom bejn 217-il ħaddiem f’Malta bħal fil-każ tar-Repubblika Slovakka u Ċipru bi 11-il ħaddiem.
L-informazzjoni fil-Parlament kienet tinkludi wkoll il-lokalitajiet ta’ fejn joqgħodu dawn il-ħaddiema. Il-lokalità preferita hi San Pawl il-Baħar b’1,631 ħaddiem barrani jgħix hemm, segwita minn Tas-Sliema b’1,574. Fil-każ t’Għawdex, dawn iċ-ċittadini jippreferu ż-Żebbuġ, li jinkludi Marsalforn, b’50 ħaddiem segwit mix-Xagħra b’46 ħaddiem ieħor.