Iktar minn 1,100 student Għawdxi fl-Università ta’ Malta

Fl-Università ta’ Malta bħalissa hemm iktar minn 1,100 student Għawdxi  jsegwi xi wieħed mill-korsijiet, minn livell undergraduate inkluż dak ta’ Ċertifikat, sa Dottorat. 660 huma studenti nisa filwaqt li 446 huma studenti rġiel.

Fil-livell ta’ undergraduate, l-ikbar numru ta’ studenti Għawdxin hu fil-Fakultà tal-Edukazzjoni b’217-il student, fosthom 99 li qed isegwu l-kors ta’ Baċellerat fl-Edukazzjoni (bl-Unuri).

It-tieni l-ikbar numru ta’ studenti Għawdxin qed isegwu xi wieħed mill-korsijiet offruti mill-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy b’153 student fosthom 85 li qed isegwu l-kors ta’ Baċellerat fil-Kummerċ.

It-tielet l-ikbar numru ta’ studenti Għawdxin jinsabu fil-Fakultà ta’ Xjenzi tas-Saħħa b’149 student, b’nofs l-istudenti (75) isegwu l-kors ta’ Baċellerat tax-Xjenzi (bl-Unuri). 

L-informazzjoni ngħatat ftit tal-jiem ilu fil-Parlament fi tweġiba li ta l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said.