Iktar minn 1,000 immigrant jaħarbu minn detenzjoni mill-2004

Bejn l-2004 u l-2012 kien hemm 1,019-il immigrant li ħarbu minn ċentri ta’ detenzjoni.
Dan seħħ fi 328 ħarba li ġew irreġistrati mill-awtoritajiet Maltin.
L-iktar sena li matulha ħarbu immigranti kienet fl-2006, b’total ta’ 378 immigrant li rnexxielhom jaħarbu f’85 okkażjoni.
Fost dawn, meta kien hemm erba’ okkażjonijiet li fihom ħarbu bejn 20 u 30 immigrant f’daqqa. Dan seħħ fid-29 ta’ Mejju meta ħarbu 20 immigrant, fit-3 ta’ Lulju meta ħarbu 24 immigrant, fis-17 ta’ Lulju meta ħarbu 30 immigrant u fl-4 t’Awwissu meta ħarbu 24 immigrant ieħor.
L-iktar darba li ħarbu immigranti f’daqqa, fl-aħħar snin, kien fid-19 ta’ Settembru tal-2007 meta dakinhar kienu ħarbu 40 immigrant.
B’kuntrast, fit-tliet snin bejn l-2010 u l-2012 kien hemm b'kollox 25 okkażjoni fejn ħarbu total ta’ 65 immigrant.  
Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela ta l-informazzjoni fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis. Il-Ministru speċifika li għal kull każ ma nżammx tagħrif dwar kemm minn dawn l-immigranti kienu nqabdu u kemm għad hemm każijiet li sal-lum għadhom ma nqabdux.
Fi tweġiba għal mistoqsija separata, il-Ministru qal li bejn l-2004 u l-2012 kien hemm 22 attentat ieħor ta’ ħarbiet minn immigranti f’ċentri ta’ detenzjoni li matulhom ippruvaw jaħarbu 46 immigrant. L-iktar darba li ppruvaw jaħarbu immigranti flimkien, iżda ma rnexxielhomx, kien fl-14 ta’ Ġunju tal-2009 meta ppruvaw jaħarbu 12-il immigrant. Fl-2004 u fl-2007 ma kien hemm ebda attentat ta' dan it-tip.