Iktar medalji għall-atleti Maltin

L-għawwiema Klara Zammit rebħet it-tieni medalja tagħha fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ispecial Olympics dinjija li qed isiru bħalissa f’Kalifornja, hekk kif temmet it-tellieqa freestyle tal-400 metru, fit-tieni post.
Nhar it-Tlieta li għadda, l-istess għawwiema Maltija rebħet il-medalja tal-bronż hekk kif akkwistat it-tielet post fit-tellieqa tal-1,500 metru.
It-tellieqa li jmiss għal Klara Zammit hi dik ta’ 800 metru freestyle, nhar is-Sibt li ġej.
Anke l-plejer tal-boċċi, Mark Agius, rebaħ medalja tal-fidda wara li spiċċa bi tmien punti, punt biss inqas minn plejer tal-Ġermanja.
Fid-doubles tal-bowling, Natasha Bianchi u Philip Gruppetta rnexxielhom, bejniethom, jolqtu 911-il pin biex spiċċaw fit-tielet post.
Bħalissa hemm 22 membru tal-Ispecial Olympics Malta li qed jirrappreżentaw lil Malta fil-logħob dinjija, li jiġu fi tmiemhom nhar il-Ħadd. 
Ritratt: Special Olympics Malta fuq Facebook.com