Iktar ma jkollok flus, inqas tkun ġeneruż

L-iktar nies ġenerużi huma dawk li għandhom l-inqas, skont ix-xjentisti.
Minn esperiment psikoloġiku rriżulta li dawk meqjusa li ġejjin minn status għoli kienu iktar egoisti minn dawk fi status iktar baxx.
Ix-xjentisti minn Queen Mary University skoprew ukoll li l-mod kif persuna tibni xortiha jaffettwa kemm tkun lesta taqsmu ma’ ħaddieħor.
Dawk li qalgħu il-flus huma stess joqogħdu ħafna iktar lura biex jaqsmu ġidhom minn dawk li sabu xortihom jew wirtu.
Dr Magda Osma, li mexxiet l-istudju qalet li jingħad ħafna li l-empatija tgħaqqad in-nies biex iġibu ruħhom b’mod soċjali, iżda huma sabu li fejn jidħlu l-flus l-empatija ma għandha l-ebda rwol biex ittejjeb l-imġiba soċjali.
Fost l-iktar elementi ta’ sorpriża fl-istudju kien hemm li persuni minn status soċjali iktar baxx kienu iktar lesti jieħdu riskju u jkunu iktar ġenerużi ma’ persuni fil-bżonn. Dan minkejja l-fatt li ma jkollhomx idea jekk ħaddieħor hux se jirreċiproka l-ġenerożità tagħhom.