Iktar kontrolli fuq l-armi tan-nar fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea introduċiet iktar kontrolli fuq l-armi tan-nar fl-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dawn il-kontrolli, se tkun iktar diffiċli biex wieħed jixtri arma tan-nar kif ukoll se jkun hemm kooperazzjoni iktar b’saħħitha bejn l-istati membri.
Barra minn hekk, se jkun iktar assigurat li armi tan-nar li ma jkunux attivati ma jkunux jistgħu jintużaw f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-proposta kienet imressqa f’April, iżda ħadet spinta ‘l quddiem minħabba l-avvenimenti riċenti fix-xena internazzjonali. Il-Kummissjoni  Ewropea sostniet li tappoġġja l-ħidma tal-istati membri biex jipproteġu ċ-ċittadini u jwaqqfu lill-kriminali u lit-terroristi milli jkollhom aċċess għall-armi tan-nar.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker saħaq li “l-attakki terroristi riċenti fuq in-nies u l-valuri tal-Ewropa kienu kkoordinati minn pajjiżi differenti. Dan juri li rridu naħdmu flimkien biex nikkumbattu dan it-theddid.”