Iktar infurzar biex jitrażżan l-istorbju fit-toroq

Se jibda jitkejjel il-ħsejjes li jsir fit-toroq, fosthom tal-bejjiegħa bil-vannijiet, barijiet u siti tal-kostruzzjoni.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li kulħadd għandu dritt li jgawdi l-kwiet fid-dar tiegħu iżda trid tinsab bilanċ kemm mal-kummerċ kif ukoll mal-attivitajiet oħra.
Fil-jiem tas-sajf, il-ħsejjes u l-istorbju jiżdiedu speċjalment fil-festi u l-bejgħ fit-toroq u ħdejn il-bajjiet.
Il-kelliem qal li jaslu diversi lmenti għand il-Pulizija minħabba l-ħsejjes speċjalment dawk li jsiru wara l-11 ta’ filgħaxija mill-ġirien jew fit-toroq.
Qal li qed ikun hawn iktar għarfien li m’għandux isir storbju mal-lejl.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li numru ta’ Kunsilli Lokali qed jaħdmu biex jiżdied l-għarfien u fil-lokalitajiet jonqsu l-ħsejjes fit-toroq bħall-għajjat, storbju bil-mużika u l-ħsejjes tal-kostruzzjoni.
Partikolarment residenti fil-Kottonera jinsabu urtati mill-ħsejjes fit-tarzna, għaliex fi kliemhom, il-ħsejjes jibqgħu għaddejjin sas-1 jew is-2 ta’ filgħodu.
Skont l-Organiżazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-ħsejjes mal-lejl m’għandhomx jaqbżu l-40 dBA.
Ritratti li tpoġġew fil-midja soċjali juru li l-ħsejjes mal-lejl fl-Isla ġieli jaqbżu s-60 dBA.
Fil-jiem li għaddew persuni anzjani li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li minħabba l-ħsejjes relatat mal-iskrins fit-toroq fil-jiem tat-Tazza tad-Dinja ma jistgħux jorqdu qabel it-3 ta’ filgħodu.