“Iktar ħsara jekk inżidu l-kannabis fil-menù mas-sigaretti u l-alkoħol”

Caritas Malta director Anthony Gatt.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt saħaq li hemm bżonn li l-pajjiż jirrifletti sew dwar jekk iridx il-kannabis fil-menù mas-sigaretti u mal-alkoħol. Semma li min jinħakem mill-vizzju jispiċċa jonfoq ħafna flus u jkun beżgħan li jinqabad. Dan minbarra l-effett ħażin li l-kannabis tagħmel fuq il-moħħ.

“Aħjar nibqgħu ‘l bogħod minnha”

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, Gatt insista li jekk il-kannabis titpoġġa fuq il-menù se ssir ħafna iktar ħsara milli ġid, u għaldaqstant “aħjar nibqgħu ‘l bogħod minnha”.

B’ton imqanqal qal li meta jara persuni jiggradwaw miċ-Ċentru ta’ San Blas, iħoss l-uġigħ tal-istejjer li jkunu għaddew minnhom, imma wkoll ferħ kbir li ħelsu mill-vizzju.

Jirrilassaw jew kalvarju?

Fisser li fil-bidu wieħed jibda jħossu jirrilassa meta jieħu l-kannabis, u jkun juża ftit u f’pożizzjoni li jkompli bil-ħajja tiegħu. Madanakollu, ipprova jiftaħ għajnejn dawn, li meta wieħed jibda jużaha b’mod aktar frekwenti, tista’ tinbidel f’abbuż u d-droga jkollha ħakma totali fuq il-ġisem.

“Minn €2,000 fix-xahar tonfoq €1,000 f’kannabis”

Anthony Gatt semma każ ta’ persuna li taqla’ fuq l-€2,000 u li minnhom tonfoq €1,000 fix-xahar f’kannabis. Qal li din il-persuna għandha biża’ li jekk jaqbduha l-Pulizija jaħsbu li qed tittraffikaha minħabba l-ammont kbir.

Persuni oħra li llum il-ġurnata lestew il-kors u ggradwaw, kienu qabduhom il-Pulizija bi kwantità kbira, u ġabuhom darhom mal-ħajt biex jibdew programmi mal-Caritas jew entitajiet oħra. Kieku qatt ma kienu jieqfu.

Aqra: “Spiċċa b’€500,000 dejn minħabba l-kokaina”

“Ħajja mitfija”

Dwar li l-Għaqda tal-Psikjatri u l-President tal-għaqda tal-psikologi jemmnu li l-kannabis tagħmel ħsara kbira lill-moħħ, Gatt spjega li d-droga taffettwa l-parti tal-moħħ li tirregola l-emozzjonijiet, il-kapaċità li wieħed jippjana u l-memorja. Semma kif kemm-il darba jsib min jgħidlu li kien jgħix ħajja mitfija, bla motivazzjoni, u bla interess f’xi passatemp jew relazzjoni.

Insista li jekk il-kannabis issir legali, il-messaġġ ikun li mhix daqstant perikoluża, għalkemm in-negattiv tagħha jegħleb b’qawwa lill-pożittiv.

X’servizzi toffri l-Caritas?

Filwaqt li fakkar li l-Caritas ma toffrix biss għajnuna għal problemi bid-droga, Anthony Gatt elenka numri ta’ servizzi fil-qasam tad-droga:

  • F’każ li l-vittma tad-droga ma tkunx trid għajnuna, dawk qrib tagħhom huma mħeġġa jmorru mill-ewwel fiċ-Ċentru ta’ Outreach fi Triq il-Kapuċċini l-Furjana jew iċemplu għal appuntament fuq 21237935.
  • Programmi residenzjali għal nies bi problema akuta ħafna u li jkollhom bżonn jinqatgħu mis-soċjetà għal xi żmien sakemm isibu saqajhom: Iċ-Ċentru San Blas, Unit tan-nisa, xelters eċċ.
  • Prison inmates programme f’Baħar iċ-Ċagħaq: Dawk li jkunu skontaw sentenza ħabs, iqattgħu l-aħħar ftit jagħmlu dan il-programm, biex jipprepraw ruħhom għas-soċjetà.
  • Dar Charles Miceli: Ċentru tal-after care fil-Mosta. Din id-dar infetħet madwar sena ilu u tkun miftuħa 24 siegħa kuljum. Hawnhekk imorru nies li ħarġu mill-programmi u jkollhom bżonn ifittxu s-sapport, fost l-oħrajn jekk jerġa’ jiġihom l-aptit tad-droga.

F’appell imqanqal, Gatt ħeġġeġ lil dawk li qed iħossuhom fid-dlam jew iddisprati, biex jirrikorru għall-għajnuna fuq 21237935, u ġurnata wara ġurnata flimkien isibu l-mod kif joħorġu mill-abbiss.