Iktar ħmieġ tal-fish farms; il-pubbliku mħeġġeġ jirrapporta

Fl-aħħar jiem dehru numru ta’ ritratti fuq il-midja soċjali li juru ħmieġ li ġej mill-fish farms fil-bajjiet Maltin li l-pubbliku huwa mħeġġeġ jirrapporta.

Skont dawk li tellgħu r-ritratti, il-ħmieġ intlemaħ fil-bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn u f’Tas-Sliema.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li l-ERA tinvestiga r-rapporti li tirċievi dwar il-fish farms. Qalet li jsiru spezzjonijiet biex l-Awtorità tkun tista’ tieħu l-passi neċessarji.

Il-pubbliku jista’ jirrapporta l-ħmieġ mill-fish farms li jara fuq 22923500.

Il-mistoqsijiet li ntbgħatu lis-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika kienu għadhom ma ġewx imwieġba sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

Fis-sajf tal-2016, ammont kbir ta’ skart, żejt u fdalijiet mill-gaġeġ tat-tonn spiċċaw mal-kosta tal-Grigal ta’ Malta, l-aktar ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Dan kien wassal biex il-baħar ma baqax tajjeb għall-għawm.