Iktar ħaddiema jaħdmu f’Mejju

F’Mejju, dawk jaħdmu bi qliegħ full-time żdiedu bi 3.5% waqt li dawk li jaħdmu biss part-time żdiedu wkoll, b’6.5%. Dawk li jagħmlu xogħol part-time minbarra x-xogħol full-time ukoll żdiedu, b'4.5%. 
Ċifri tal-NSO kkonfermaw li dawk jaħdmu bi qliegħ fil-pajjiż fl-aħħar sena żdiedu bi 3.2% biex issa huma 169,297 ruħ.
Fl-aħħar sena, kien hemm 5,432 persuna li żdiedu fost dawk li jaħdmu filwaqt li naqsu b’151 ruħ dawk li kienu jirreġistraw għax-xogħol.
Iż-żidiet f’Mejju fost dawk li jaħdmu full-time kienu l-iktar għall-kategoriji Amministrattivi, u fis-Saħħa.
B’kollox, kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat raw żidiet, inkluż dawk li jaħdmu għal rashom.
Fil-qasam tax-xogħol part-time, iż-żidiet kienu l-iktar fost dawk li jaħdmu fil-ħwienet, tiswija ta’ vetturi, u fil-qasam turistiku.