Iktar frawli u inqas patata

Il-frawli huwa l-iktar frott li żied fil-produzzjoni lokali matul is-sena l-oħra, filwaqt li kien hemm tnaqqis drastiku fuq il-kwantità ta’ patata li ġiet prodotta f’Malta. Dan ħareġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel li jiġi ċċelebrat fis-16 ta’ Ottubru.

Matul is-sena l-oħra ġew prodotti iktar minn 1,400 tunnellata ta’ frawli li jfisser żieda ta’ 58% fuq is-sena ta’ qabel. Matul is-sena 2018, it-total ta’ frott li ġie prodott lokalment huwa ftit iktar minn 13,000 tunnellata li kellhom valur ta’ €10 miljuni. Il-bettieħ u l-għeneb jibqgħu l-iktar frott li ġew prodotti f’Malta matul is-sena l-oħra.

L-istatistika turi wkoll li s-sena l-oħra kien hemm tnaqqis ta’ 27% fil-produzzjoni lokali tal-patata minn dak tas-sena ta’ qabel. It-total ta’ ħxejjex li ġew prodotti f’Malta matul is-sena 2018 kien ftit iktar minn 58,000 tunnellata Ii jfisser 7% inqas minn dak tas-sena ta’ qabel. Dawn il-ħxejjex kellhom valur totali ta’ €30 miljun li huwa 13% inqas mill-ammont tas-sena 2017. L-iktar ħxejjex li ġew prodotti lokalment fl-2018 kienu t-tadam bi ftit iktar minn 11,000 tunnellata b’valur ta’ €3.4 miljun. Ħxejjex oħra li kellhom kwantità għolja fil-produzzjoni kienu l-basal, il-pastard, il-kaboċċi u l-ħass.