Iktar faċli jkollok ‘mobile phone’ milli ‘toilet’ – Ġnus Magħquda

Rapport tal-Ġnus Magħquda juri li 6 biljuni mis-7 biljun persuna fid-dinja għandhom mobile, imma 4.5 biljun biss għandhom fejn jaqdu l-bżonnijiet bażiċi tagħhom.
Għalhekk se titnieda kampanja biex jitjiebu l-faċilitajiet sanitarji għal 2.5 biljun persuna. Il-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Jan Eliasson sejjaħ il-kundizzjoni ta’ dawn in-nies bħala ‘diżastru sieket’ li jirrifletti l-faqar estrem u l-inugwaljanzi fid-dinja llum.
Huwa qal li trid tittieħed azzjoni immedjata jekk irid jintlaħaq l-għan tal-Ġnus Magħquda li sa sentejn oħra jonqsu bin-nofs in-nies li m’għandhomx aċċess għal faċilitajiet sanitarji.
Eliasson qal li filwaqt li ħafna nies jippreferu ma jitkellmux dwar din il-problema, huwa essenzjali li tinstab soluzzjoni biex tkun assigurata s-saħħa, ambjent nadif u d-dinjita’ fundamentali għal biljuni ta’ persuni.
Sal-lum, 15% tal-popolazzjoni tad-dinja għadha taqdi l-bżonnijiet bażiċi f’postijiet miftuħa. Din hi l-kawża ewlenija tad-diarrhea, li twassal biex imutu 750,000 tifel u tifla ta’ taħt il-ħames snin. Hemm 22 pajjiż fejn is-sitwazzjoni hija gravi. Dawn jinkludu l-Brażil, iċ-Ċina, l-Indoneżja u l-Afganistan.