Iktar enerġija nadifa b’investiment ġdid f’panelli fotovoltajċi mill-MIA

Read in English.

  • L-ajruport jinvesti aktar minn €1.2 fil-pannelli bejn 2016-2019
  • Tiżdied b’aktar mit-triplu l-kapaċità tal-ajruport sabiex jiġġenera enerġija
    nadifa
  • L-Ajruport ta’ Malta wieħed mill-firmatarji tar-riżoluzzjoni Net Zero Carbon
    2050 ta’ ACI

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għadu kemm ikkummissjona sistema fotovoltajka ta’ 998 kilowatt peak, li żiedet il-kapaċità tal-kumpanija li tiġġenera enerġija nadifa b’aktar mit-triplu ta’ dik li kienet.

L-investiment tal-ajruport fil-pannelli fotovoltajċi għal bejn l-2016 u l-2019 kien dak ta’ €1.2 miljun, u għen lill-kumpanija tagħti l-kontribut tagħha sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Fis-sena 2018, sistema fotovoltajka b’kapaċità massima ħafna aktar baxxa minn ta’ dik li ġiet installata reċentement, wasslet għall-ġenerazzjoni ta’ aktar minn 602,000 kWh ta’ enerġija rinnovabbli.

Dan l-ammont huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għall-konsum tal-elettriku annwali ta’ 40 unità domestika medja f’Malta. Il-kapaċità massima ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija tas-sistema l-ġdida, li tinsab filmitjar, hija madwar 2,000% ogħla mill-klassifikazzjoni tal-enerġija massima ta’ sistema fotovoltajka medja għas-settur kummerċjali għall-2018.

L-investiment tal-ajruport fil-pannelli fotovoltajċi huwa biss wieħed mill-miżuri li lkumpanija ħadet reċentement sabiex tkun aktar ambjentalment sostenibbli, b’inizjattivi oħrajn jinkludu s-sostituzzjoni gradwali ta’ tidwil u tagħmir eżistenti b’alternattivi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ sostituzzjoni ta’ vetturi. Il-ħidma favur l-ambjent tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hija allinjata mal-isforzi li qed isiru mill-industrija tal-avjazzjoni b’mod usa’. L-ajruport reċentement iffirma r-riżoluzzjoni ta’ Airport’s Council International (ACI) Europe li tistipula li lindustrija għandha tilħaq newtralità fir-rigward ta’ emissjonijiet tal-karbonju li huma fil-kontroll tagħha sa mhux aktar tard mill-2050.

Barra minn hekk, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa membru tal-Programm ta’ Akkreditazzjoni talKarbonju ta’ ACI fil-livell tal-immappjar.

Sabiex issir taf aktar dwar aktar prattiki sostenibbli li qed jimplimenta l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, tista’ tniżżel ir-rapporti dwar is-sostenibbiltà tal-kumpanija minn fuq www.maltairport.com.