Iktar drogi ġodda u qawwija fis-suq

Waqt konferenza organizzata mill-fondazzjoni OASI u tliet kunsilli lokali, sar magħruf li d-drogi nbidlu, dejjem deħlin drogi sintetiċi ġodda u iktar qawwija u l-età tal-użu dejjem qed titbaxxa.
Fil-konferenza bis-sehem tal-kunsilli tal-Floriana, Mosta u n-Naxxar tkellmu għadd ta’ esperti fosthom mill-oqsma mediċi u dawk involuti fil-ġlieda kontra l-abbużi.
Saret emfasi fuq l-importanza tal-imħabba u stabbilità fit-trobbija u kif dan kollu għandu jkompli jissaħħaħ permezz tal-edukazzjoni.
Issemmiet ukoll il-problema tas-sewqan taħt l-influwenza u l-ġlieda kontra d-doping fl-isport.
Fil-konferenza bit-tema Illum Jien, Għada Int … Id-Droga wara Biebna!, tkellmet il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca li importanti li t-tema tad-droga tkun fuq quddiem net tal-aġenda Nazzjonali. Saħqet dwar l-importanza ta’ iktar riċerka f’dan il-qasam u li għandu jingħata widen lill-esperjenzi reali tan-nies li huma dipendenti fuq id-droga.
Waqt id-diskussjoni mal-udjenza tqajmu l-punti dwar il-legalizzazjoni tal-Kannabis kif ukoll is-saħħa mentali.
Id-direttur ġenerali tal-fondazzjoni OASI Dun Manuel Cordina saħaq fuq l-importanza ta’ diskussjonijiet qabel ma jiġu introdotti liġijiet ġodda.