Iktar detenzjoni ta’ immigranti f’kundizzjonijiet ħżiena – rapport

People run while a vehicle burns during riots at Hal Far Open Centre migrant camp in Hal Far, Malta, October 21, 2019. REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Read in English.

Kien hemm żieda fid-detenzjoni tal-immigranti f’ċentri b’kundizzjoniet ħżiena f’Malta, skont l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

L-aġenzija FRA qalet dan f’rapport li jkopri dak li ġara bejn Ottubru u Diċembru tal-2019.

Instab li d-detenzjoni tal-immigranti f’Malta qed jiżdied. Skont il-UNHCR, qed jinżammu 1,400 persuna li qed ifittxu l-ażil. Hemm nies li qed jinżammu sa 100 ġurnata f’detenzjoni.

Kundizzjonijiet ħżiena u irvelli

F’Malta l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri miftuħin u fil-barracks ta’ Ħal Safi mhumiex adegwati. Intqal li dan wassal għal għadd ta’ irvelli. Hemm tħassib dwar l-iffullar, il-kundizzjonijiet baxxi tal-iġjene, u n-nuqqas ta’ kura għas-saħħa mentali. Dan irrapportawh l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, diversi NGOs, u diversi rapporti tal-midja. Hemm ukoll dewmien fil-proċeduri tar-reunifikazzjoni tal-familji.

Skont l-International Organization for Migration (IOM Malta), hemm nuqqas ta’ kapaċità fil-Pulizija tal-Immigrazzjoni u fil-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) biex jiġu identifikati persuni vulnerabbli bħall-vittmi tat-traffikar uman fost il-migranti u r-refuġjati li jaslu Malta.

Skont il-Eurostat Asylum quarterly report, bejn Lulju u Settembru 2019, in-numru ta’ applikazzjonijiet tal-ażil li saru għall-ewwel darba fl-Ewropa laħħaq mal-166,400. Meta wieħed jikkonsidra l-popolazzjoni tal-pajjiżi, Malta ġiet fit-tieni post b’2,691 applikazzjoni.

Tarbija mietet fil-Greċja mid-deidrazzjoni (dehydration) f’kamp tar-refuġjati. Intqal li dan juri kemm hi serja s-sitwazzjoni tal-iffullar. Fl-Italja l-assoċjazzjoni Melting Pot ikkritikat il-kundizzjonijiet ħżiena f’Lampedusa. Nies li jsalvaw mill-għarqa qed ikollhom jgħixu f’kundizzjonijiet b’livelli ta’ iġjene baxxi.

FRA

Skont IOM Malta u l-African Media Association Malta, in-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni f’lingwi li applikanti tal-ażil jistgħu jifhmu għadha sfida. L-aċċess għall-għajnuna legali fiċ-ċentri huwa ristrett, skont l-NGO KOPIN.

Ir-rapport fakkar fil-protesti li saru f’Ħal Far f’Ottubru 2019. Intqal li ċ-ċentru jospità 1,200 persuna. L-irvelli wasslu għas-sospensjoni temporanja tad-distribuzzjoni tal-ikel u l-arrest ta’ 107 persuna, fosthom tfal.

Malta tfaħħret fir-rapport talli waqqfet unit ta’ servizzi terapewtiċi fi ħdan l-Aġenzija għall-Ġid ta’ dawk li jfittxu l-Ażil (AWAS). Għandu l-għan li jipprovdi servizzi aħjar lill-persuni vulnerabbli – speċjalment dwak li għandhom problemi tas-saħħa mentali.

Ir-rapport semma kif il-Kummissarju għat-Tfal qalet li it-tfal li qed jinżammu fl-Initial Reception Centre għandhom nuqqas ta’ faċilitajiet fejn jilagħbu. Hemm ukoll kwistjoni ta’ nuqqas ta’ privatezza f’uħud miċ-ċentri.

IOM Malta qalet ukoll li minħabba ż-żieda fin-numru tat-tfal mhux akkumpanjati li jaslu fuq il-gżira ż-żmien ta’ stennija għall-assessjar tal-età tagħhom qed jitwal ħafna.

Ir-rapport fakkar ukoll f’deċiżjoni tal-Qorti li qalet li kien hemm sitt persuni li qed japplikaw għall-ażil li kienu qed jinżammu f’detenzjoni b’mod illegali. Fakkar ukoll li diversi NGOs qalu li tfal mhux akkumpanjati kienu qed jinżammu mal-adulti fiċ-ċentri sakemm l-età tagħhom tiġi evalwata.

Diversi NGOs qalu wkoll li wara l-protesti tal-immigranti f’Ottubru u f’Novembru l-kliem ta’ mibgħeda kontra l-migranti fuq il-midja soċjali żdied.

Kien hemm diversi persuni f’Malta li ġew intervistati biex sar ir-rapport tal-FRA. Fosthom kien hemm rappreżentanti tal-Hate Speech Unit tal-Gvern, l-AWAS, il-Kummissarju għar-Refuġjati, u l-NGO SOS Malta.

FRA

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.

F’Ottubru tal-2019, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li mal-ġurnata kien hemm 60 persuna arrestati mit-300 immigrant li ħadu sehem fl-irvell li seħħ fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Fl-irvell weġġa’ Pulizija u l-immigranti taw in-nar lil tliet karozzi.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li tliet immigranti ppruvaw jidħlu fil-magħruf villaġġ tat-tined waqt li kienu qed jixorbu l-alkoħol. Huma twaqqfu fil-bieb minn uffiċjal tas-sigurtà.

F’Settembru 2019, il-Ministeru għall-Intern qal li waqt il-protesta li saret minn immigranti fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi il-maġġoranza tagħhom obdew l-ordnijiet, però oħrajn saru aggressivi.