Iktar bżonn ta’ demm għal operazzjonijiet li qed jiġu skedati mill-ġdid

Read in English.

Bħal ma jaf kulħadd, il-pandemija tal-COVID-19 ħarbtet ħafna mill-operat li kien skedat li jsir, fosthom għadd kbir ta’ operazzjonijiet li ma kienux meqjusa bħala urġenti u li ġew posposti b’mod indefinit. Issa li bħala poplu responsabbli, flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa irnexxilna nikkontrollaw sew il-pandemija ser jagħti lok biex għadd ġmielu ta’ operazzjonijiet jiġu skedati mill-ġdid. Dan ifisser li l-bżonn tad-demm ser jiżdied b’mod konsiderevoli fil-jiem li ġejjin u dan iġib miegħu impenn għal ammont ikbar ta’ donazzjonijiet tad-demm.

Għaldaqstant dawk li jixtiequ jagħtu daqqa t’id f’dan ir-rigward għandhom jersqu biex jagħtu d-demm:

–  fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm

–   fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 17 ta’ Mejju, mit-8:30am sas-1.00pm ser ikun fil-wesgħa ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Qawra.

 Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Nota importanti!

Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.