Iktar birra u ħmieġ f’San Ġiljan

Bħal ma jiġri kull sena, it-toroq ta’ San Ġiljan bħal-lum ikunu ppakkjati bin-nies hekk kif issa daħlet bħala drawwa li anke l-Maltin jiċċelebraw il-festa ta’ San Patrizju, il-Patrun tal-Irlanda billi jieħdu flixkun birra … jew tnejn.

Newsbook.com.mt niżel sax-Xatt ta’ San Ġiljan fejn minbarra l-ammont kbir ta’ żgħażagħ liebsa l-kulur aħdar, spikka wkoll il-ħmieġ li qed iħallu warajhom.

Resident li joqgħod viċin tal-bajja ta’ Spinola, qal ma’ Newsbook.com.mt li bħal lum “xorb kemm trid u ħafna jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fil-kantunieri u l-parapetti tan-nies.”

Jispikkaw ukoll il-fliexken tal-birra mormija mal-art u n-numru ta’ karozzi pparkjati ħażin quddiem xi garaxx jew fuq il-bankini.

Peress li lbieraħ kien il-Ħadd, kienu ħafna dawk li niżlu fi Spinola biex jiċċelebraw dan il-jum.