Iktar aċċessibilità għall-housing estates; Il-Kummissjoni tilqa’ l-iskema

DOI / James Galea

Mija u għaxar housing estate mferxin ma’ Malta kollha se jkollhom lift installat bħala parti mill-proġett għar-riġenerazzjoni ta’ dawn il-binijiet, bil-Kummisjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tilqa’ l-aħbar u tiddeskriviha bħala skema pożittiva ħafna.

Fit-tweġibiet tagħha kelliema għall-Kummissjoni spjegat kif l-iskema se żżid l-aċċessibbilità għal persuni b’diżabilità fil-housing estates tal-Gvern. Hi kompliet tispjega kif ħafna mill-binijiet antiki ma kienux aċċessibbli u bħala eżempji semmiet entraturi bit-taraġ jew in-nuqqas tal-lift.

Hi kompliet tispjega li bħala Kummissjoni huma jirċievu diversi applikazzjonijiet ta’ kull bini tal-housing fejn ikunu se jsiru modifiki biex dawn ikunu kemm jista’ jkun aċċessibbli.

Il-kelliema kompliet tgħid kif f’ċertu binijiet qed jitneħħa t-taraġ u titpoġġa rampa minflok.

Iktar kmieni s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia inawguraw l-ewwel lift li ġie installat f’Ħal Qormi.

Fid-diskors tiegħu Galdes qal li 900 familja se jibbenefikaw minn dan il-proġett. Huwa spjega li fosthom hemm anzjani, residenti b’diffikultà ta’ mobilità u persuni b’diżabilità.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-proġett irċieva €10 miljuni fi finanzjament Ewropew. Sostna li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jintużaw tajjeb.

40 ilment minn Frar 2010

Il-Kelliema għall-Kummissjoni spjegat li mill-1 ta’ Frar 2010 sallum hi rċievet 40 ilment li għandha x’taqsam magħhom l-Awtorità tad-Djar. Fost l-ilmenti li rċiviet kien hemm dwar in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà inkluż nuqqas ta’ lift, nuqqas ta’ manutenzjoni fost oħrajn.