Ikomplu t-tfittxijiet fl-Indoneżja wara li għereq vapur

Foto/Handout/RelawanBNPB/via REUTERS

L-Awtoritajiet fl-Indoneżja qed jagħmlu ħilithom biex isalvaw madwar 140 passiġġier minn vapur li għereq ‘il barra mill-kosta ta’ Sulawesi.

L-Aġenzija reġjonali inkarigata mit-tnaqqis ta’ diżastri qalet li s’issa 29 ruħ huma konfermati mejta waqt li 41 rappurtati nieqsa. 69 passiġġier ġie salvat.

Dan id-diżastru jsegwi diżastru ieħor meta x-xahar li għadda għereq vapur ieħor li kien mgħobbi wisq fil-lake Toba tal-istess pajjiż, fejn hemm wieħed mill-aktar lakes fondi volkaniċi. F’dan l-inċident tilfu ħajjithom 200 ruħ.

Fuq il-vapur kien hemm ukoll karozzi meta għereq, skont rapporti fl-istampa lokali u l-vapur kien viċin il-kosta meta għereq.

Inċidenti bħal dawn huma frekwenti fl-Indoneżja minħabba l-fatt li r-regoli jinkissru regolarment u l-vapuri jitgħabbew aktar milli suppost.