Ikomplu t-taħditiet bejn il-PN u l-PD għal koalizzjoni

Saret laqgħa oħra bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia, bil-għan li ż-żewġ partiti jagħmlu koalizzjoni bejniethom.
Fi stqarrija l-PN qal li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat kienu bdew wara li fid-diskors tiegħu fl-Indipendenza, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien għamel sejħa għal koalizzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni. 
Il-PN qal li ż-żewġ naħat qablu biex jaħdmu flimkien ħalli jagħtu Gvern nadif u tmexxija serja.
Temm jgħid li ż-żewġ partiti qablu wkoll li għandhom jiffukaw il-ħidma komuni tagħhom biex l-ekonomija tkun sostenibbli u minnha jgawdi kulħadd, fuq il-ġustizzja soċjali, fuq il-ħarsien xieraq tal-ambjent u fuq it-tiġdid Kostituzzjonali li għandu bżonn il-pajjiż.