Ikomplu l-problemi għall-Università Amerikana f’Malta

Qed ikomplu joħorġu fil-beraħ il-problemi tal-Università Amerikana f’Malta (AUM) li fl-aħħar jiem reġgħet sabet ruħha fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li “ma ġibditx l-għadd ta’ studenti mixtieqa u anke wara li tkeċċew kiesaħ u biered għadd ta’ ħaddiema”.
Minkejja dawn l-aħbarijiet, jidher li hemm velu ta’ segretezza li qed iżomm l-informazzjoni kollha milli toħroġ fil-beraħ u jkun magħruf l-istat veru li tinsab fih din l-istituzzjoni.
L-eksħaddiema mhedda b’azzjoni legali
Il-gazzetta Times of Malta tirrapporta kif l-AUM ippruvat tpoġġi sarima ma’ ħalq l-għalliema u l-ħaddiema li keċċiet, billi heddithom b’azzjoni legali jekk jitkellmu.
Meta ftit qabel il-Milied, il-ħaddiema rċevew l-ittra biex ma jirritornawx ix-xogħol wara l-vaganzi, huma ġew imfakkra fil-klawżoli ta’ kunfidenzjalità li kienu inklużi fil-kuntratti tagħhom.
Skont it-Times of Malta, uħud minnhom saħansitra rċevew ittra mingħand il-kumpanija tal-Avukati Deguara Farrugia, l-avukati ta’ Sadeen Education Ltd, biex ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi li se jiffaċċjaw jekk jitkellmu fil-pubbliku dwar affarijiet interni tal-Università Amerikana.
L-Amministratur Akkademiku ma jweġibx lanqas lil Newsbook.com.mt
Meta mitlub jikkummenta dwar dan, l-Amministratur Akkademiku John Ryder, għażel ukoll is-silenzju u qal li hu ma jistax jikkummenta għall-kumpanija Sadeen.
Lanqas ma wieġeb għall-mistoqsijiet mibgħuta minn Newsbook.com.mt.
L-eksħaddiema jitolbu appuntament mal-AUM
Il-gazzetta The Malta Independent tgħid li rat imejl mibgħuta minn għadd ta’ eksmembri tal-Fakultà tal-AUM li spiċċaw bla xogħol mil-lum għall-għada minkejja li wħud minnhom bdew jgħixu Malta għax mingħalihom għandhom xogħol għal tliet snin.
Din l-imejl, indirizzata lil John Ryder, tibda bil-kliem: “…din akbar minn krudeltà.”
Wieħed mill-eksmembri jikteb li se jasal Malta “għada,” mingħajr flus, mingħajr xogħol, mingħajr l-ebda ċans li jiġbor xi benefiċċji u bla ebda mezz biex jirritorna d-dar.
Skont il-ġurnal, l-eksħaddiema talbu li jingħataw appuntament biex jiċċaraw is-sitwazzjoni imma sa issa għadhom mingħajr risposta.
Ma’ The Malta Independent, John Ryder lanqas ma tkellem dwar din il-kwistjoni imma qal biss li l-AUM bħalissa timpjega sitt membri tal-fakultà full-time u xi staff ieħor, għalkemm ma speċifikax kemm.
“Keċċewni waqt li kont qed nieħu l-kura” – Professur Malti
Professur Malti, li għal żmien qasir kien jaħdem mal-Università Amerikana tkellem ma’ InsideHigherED.
Bernard Gauci jispjega kif hu tkeċċa waqt li kien ħareġ bil-leave sakemm kien qed jieħu kura għall-Parkinsons.
Hemm bżonn li jinbena ż-Żonqor?
Il-ftit studenti li għandha l-Università Amerikana qed jiltaqgħu fil-bini allokat lill-istituzzjoni f’Baċir Numru 1 f’Bormla, li fuqu għadhom għaddejjin xi xogħlijiet.
Wara li sar magħruf li l-għadd ta’ studenti huwa wieħed żgħir ħafna, ħdejn l-4,000 student u studenta li kienu mistennija japplikaw fi tliet snin, reġgħet qamet il-kwistjoni dwar l-art taż-Żonqor.
Il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni biex l-art terġa’ tingħata lill-poplu u fuqha ma jinbena xejn, ġaladarba ma hemmx biżżejjed studenti.
Il-Gvern wieġeb li l-proġett hu bżonnjuż, u l-art fiż-Żonqor tibda tintuża ladarba jimtela l-kampus ta’ Bormla, li kif spjegat fih 15-il student.
Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala wkoll talbu lill-Kunsill biex f’talba formali jitolbu lill-Gvern biex jieħu l-art fiż-Żonqor lura mingħand Sadeen u jagħtiha lura lill-Maltin.