Ikomplu l-impenji għal Noel Baldacchino f’Ontario

Matul dan il-lejl fil-korsa ta' Mohawk f'Campbelville Ontario l-Kanada saret it-tieni tappa tal-Kampjonat Dinji għas-Sewwieqa bis-Serkin fejn il-Malti Noel Baldacchino ħa sehem f'erba' tiġrijiet li kienu tnejn tat-trott u tnejn tal-pejsa fuq distanza ta' mil.
Kien jidher li l-polza tagħtu żwiemel aħjar mill-ewwel tappa iżda l-fortuna ma tantx għenitu u rnexxielu jiġbor biss 25 punt meta spiċċa r-raba' fuq il-favorit fl-ewwel tiġrija u fit-tiġrijiet l-oħra ħa l-ħames, is-sitt u t-tmien post.
Fil-klassifika ġenerali għandu 49 punt u baqa' jokkupa d-disa' post. Bit-tliet rebħiet tal-lum fil-quċċata nsibu lis-sewwieq Finlandiż Mika Forss.
L-azzjoni tkompli għada dejjem f'Ontario però fil-korsa ta' Georgian Downs f'Innisfil.