Ikomplu jmeru lil xulxin dwar il-Malti għall-Barranin

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni reġa’ tenna li l-Malti bħala lingwa barranija mhux se jkunu eliġibli għaliha tfal Maltin.
Fi stqarrija l-Ministeru sostna li hemm bosta li qed jibqgħu jagħtu l-impressjoni ħażina minkejja l-bosta stqarrijiet li ħareġ il-Ministeru.
Kompla jgħid li ladarba l-istudenti fl-iskejjel jistgħu jistudjaw lingwi oħrajn mgħallma bħala lingwa barranija sa Livell 3, il-Malti bħala lingwa barranija m’għandux ikun stmat bħala lingwa inferjuri.
Għalhekk, fl-istqarrija l-Ministeru nsista li l-istudenti barranin għandhom jingħataw l-opportunità jistudjaw il-Malti bħala lingwa barranija sa Livell 3 tal-MQF jew ekwivalenti skont il-Qafas Komuni Ewropew għat-Tgħalim tal-Lingwi Barranin (CEFRL).
Għaldaqstant, fi stqarrija separata, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal li l-Malti huwa stabbilit mill-Kostituzzjoni ta’ Malta bħala lingwa nazzjonali u għalhekk m’għandux jiġi mgħallem lil studenti Maltin bħala lingwa barranija.
Fl-istqarrija saħqu wkoll li ċ-ċertifikat tal-Malti bħala lsien barrani ma jistax u m’għandux jitqies tal-istess livell (MQF 3) taċ-ċertifikat tal-Malti tal-Matsec li jingħata fl-aħħar sena tal-iskola obbligatorja.
Fl-aħħar jiem, kienu bosta dawk li oġġezzjonaw l-introduzzjoni tas-suġġett ”Il-Malti Bħala Lsien Barrani”.