Ikomplu d-diskussjonijiet dwar il-proġett f’Santa Luċija

Miguela Xuereb

Fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu rappreżentanti minn Save Santa Lucija Open Spaces Network iltaqgħu mal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg. In-Network kien ippreżenta pjan konċettwali b’disinn alternattiv għad-dħul minn Tal-Barrani għal Santa Luċija. Il-proposta alternattiva tad-dħul għan-Netwerk f’Tal-Barrani tirrikjedi inqas art mill-pjan ta’ Infrastrucute Malta.

Lejn l-aħħar tax-xahar, skont stqarrija maħruġa minn Save Santa Lucija Open Spaces Network, xi rappreżentanti ltaqgħu mal-uffiċjali ta’ Infrastructure Malta biex jiddiskutu d-disinn alternattiv li ppreżentaw. Skont is-CEO ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi dak propost huwa teknikament possibbli iżda mhux teknikament fattibbli.

Open Space Network qalu li skont Infrastructure Malta d-disinn ippreżentat jibbaża fuq telgħat ta’ 6 gradi li jwasslu għal mina ta’ 500m. Iżda Infrastructure Malta qalu li t-telgħa hija wieqfa wisq u spjegaw kif l-Unjoni Ewropea tirrikjedi telgħat inqas wieqfa biex tibbenifika mill-fond TEN-T.

Min-naħa l-oħra n-Network ġibed l-attenzjoni li l-Unjoni Ewropea m’għandiex limiti dwar kemm għandha tkun wieqfa t-telgħa. Infrastrucutre Malta qalet li dak propost se jkun qed iżid in-nefqa tal-proġett u se jkun qed jiġġenera ammont ta’ skart mill-iskavar li mbagħad ikun irid jintrema. Azzopardi qal li minħabba l-grad tat-telgħa, l-ilma tax-xita jista’ wkoll ikun ta’ periklu għat-traffiku li jgħaddi mill-mina.

In-Network qal li jekk tkun applikata l-prattika standard għall-immaniġjar tal-ilma taħt il-mini, din il-problema għandha tkun solvuta.

Waqt il-laqgħa, ir-rappreżentanti tan-Network staqsew jekk Infrastructure Malta qatt saqsietx għal disinji ta’ proġetti li jħallu impatt mill-inqas fuq l-ambjnet f’Santa Lucija. L-uffiċjali wieġbu li Infrastructure Malta ma stabbilixxewx dawn it-tip ta’ termini minħabba li hu proġett infrastrutturali, iżda min-naħa tagħhom in-Network ma qablux ma’ dan il-ħsieb.

AQRA: Jipproponu mina taħt l-art biex tittieħed inqas art f’Santa Luċija