Ikompli l-vandaliżmu fil-Mellieħa; Kunsillier jesprimi t-tħassib

Read in English.

Il-Kunsillier Mellieħi u kandidat tal-elezzjoni ġenerali Ivan Castillo esprima t-tħassib tiegħu hekk kif aktar graffitti qed jitfaċċaw fil-lokalità.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Castillo nnota li kien hemm diversi każi ta’ vandaliżmu, inkluż dannu fuq il-bus stops u għamara pubblika.

Jidher li fl-aħħar att ta’ vandaliżmu, tfaċċaw aktar graffitti fuq il-bus stops u l-ħitan. Uħud minn dawn jinkludu tpinġija tal-werqa tal-kannabis u s-sinjal tad-dollaru. Castillo nnota li xi ħadd saħansitra kiteb il-kelma “satan” (satana) fil-Heritage Trail tax-Xemxija.

Il-kunsillier iddeċieda li jagħmel rapport lill-pulizija.

𝐌𝐨𝐫𝐞 𝐕𝐚𝐧𝐝𝐚𝐥𝐢𝐬𝐦 𝐢𝐧 𝐭𝐡𝐞 𝐍𝐨𝐫𝐭𝐡! This is troubling, there is only one definite solution to this rise in vandalism across…

Posted by Ivan Castillo on Saturday, November 21, 2020

Castillo nnota li ż-żieda fil-vandaliżmu jista’ jfisser li jew is-soċjetà qed tfalli liż-żgħażagħ tagħha jew li l-liġijiet li hemm preżentament mhux b’saħħithom biżejjed biex iżommu lura lill-perpetwaturi. Hu sostna li r-raġuni wara dan il-vandaliżmu jista’ jkun minħabba li dawk warajh ma jħossuhomx parti mill-komunità.

Hu insista li hemm bżonn li jkunu nstallati aktar kameras tas-CCTV f’punti strateġiċi fejn il-maġġoranza ta’ dawn l-atti qed iseħħu. Hu talab għal tibdiliet fil-liġi u penali għal dawk li jinqabdu jivvandalizzaw il-propjetà pubblika. Castillo ħeġġeġ lill-pubbliku biex jitkellem jekk għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin lill-awtoritajiet jaqbdu lil min qed jagħmel dan il-vandaliżmu.

Castillo insista fuq l-importanza li wieħed jara liż-żgħażagħ iħossuhom parti mill-komunità. Qal li f’każi fejn il-graffitti titqies bħala espressjoni artistika, l-awtoritajiet għandhom jipprovdu spazju fejn dan it-talent jista’ jkun espress. Hu wissa li l-vandaliżmu jista’ għadu fil-bidu tiegħu u qal li dawn l-individwi jemmnu li jistgħu jikkawżaw dannu fuq propjetà ta’ terzi u propjetà pubblika faċilment u mingħajr ma jinqabdu. Irrimarka li dawn jistgħu eventwalment jispiċċaw iwettqu kriminalitajiet oħrajn.

Lura f’Ottubru, bank qrib it-Torri l-Aħmar li kien mibni fi-memorja ta’ Anita Gray, li kienet residenta tal-Mellieħa, kien inqered ukoll minn vandali.