Ikompli l-proġett fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li permezz tal-interconnector bejn Malta u Sqallija, il-pajjiż se jkun qed iwieġeb għad-domanda qawwija tal-enerġija.

Dr Gonzi qal dan meta żar ix-xogħol li qed isir f’Qalet Marku, ħdejn il-Magħtab, fejn qed titħaffer il-mija li minnha se jgħaddi l-interconnector. Semma li dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €200 miljun, filwaqt li qal li l-mina għandha tgħaqqad il-Kappara ma’ Pembroke.

Saħaq li permezz t’hekk id-distribuzzjoni tal-enerġija se tkun tista’ tinfirex mal-lokalitajiet kollha ta’ Malta. Dr Gonzi semma wkoll li mal-inteconnector se jkun hemm ukoll cables apposta biex iżidu l-effiċjenza tal-komunikazzjoni ta’ Malta.

Il-Prim Ministru qal li bis-saħħa tal-interconnector, b’rabta mal-enerġija Malta se tkun magħquda mal-kumplament tal-Ewropa. Fi kliemu dan filwaqt li l-pajjiż ikompli jżid il-kwalità tal-arja u l-enerġija nadifa. Il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.