Joseph Muscat ġie interrogat “taħt caution” – L-Ispettur Zahra

Read in English.

Illum kompla l-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra mill-Prosekuzzjoni fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra?

  • Konferma li kien hemm chat bejn Fenech, Joseph Muscat u Keith Schembri
  • Konferma li Joseph Muscat ġie mitkellem “taħt caution” meta ġie interrogat mill-Pulizija riċentament
  • Nhar il-Ġimgħa mart Yorgen sabet missed call mill-mowbajl ta’ Fenech li suppost qiegħed għand il-Europol
  • Yorgen Fenech investigat dwar importazzjoni ta’ velenu
  • Fenech u Theuma qablu diversi drabi fl-istqarrijiet tagħhom
  • Fil-bidu tal-2017 Daphne rċeviet aktar minn 600,000 email dwar l-Electrogas – il-Prosekuzzjoni kompliet tikkonferma li hi nqatlet minħabba xi ħaġa li kienet għadha se tiżvela
  • Kien hemm telefonata bejn l-eks Kummissarju Cutajar u l-Ġojja qabel ma xehed il-Ġojja
  • Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech u assigurat li hu “jobdi” u lest li jkollu kameras tas-sigurtà u sorveljanza mad-dar jekk jinħeles
  • Il-Qorti mistennija tiddeċiedi għada fuq il-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech
15:44 Grazzi talli segwejtuna minkejja d-dewmien! Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba.
Sephora Francalanza
15:44 Għada fin-12.30pm tittieħed deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
15:44 Is-seduta tintemm hawn.
Sephora Francalanza
15:42 Dr Mercieca jtemm is-sottomissjoni tiegħu billi jikkwota dak li qal Fenech fl-istqarrija li ta lill-Pulizija: "Jien dispjaċut u kburi li jien Malti, dan frame-up assolut."
Sephora Francalanza
15:42 Fl-aħħar sentejn ingħata l-ħelsien mill-arrest għall-istess reati tal-anqas 8 darbiet, jargumenta Dr Mercieca.
Sephora Francalanza
15:40 L-Avukat Mercieca jtemm jgħid li Fenech lest jiffirma kuljum u jkollu sorveljanza stretta.
Sephora Francalanza
15:40 Il-Maġistrat twiddeb lill-Avukat Mercieca biex jikkonkludi.
Sephora Francalanza
15:37 Mercieca jinsisti li Fenech mhux veru kien ipprova jaħrab, għax hu għandu wliedu fiex jaħseb. Jissokta jgħid li mhux il-hobbies jorbtu persuna ma' pajjiż, imma l-familja, uliedu, "li ilu ma jara 10 xhur."
Sephora Francalanza
15:35 Id-Difiża targumenta li jekk jinħeles, Fenech jista' jobdi l-istruzzjonijiet u jista' jkollu sorveljanza mad-dar.
Sephora Francalanza
15:34 L-Avukat Mercieca jgħid li l-fatt li Fenech ingħata l-police bail erba' darbiet juri li Fenech għandu "karattru li jobdi."
Sephora Francalanza
15:32 "Fenech m'għandu l-ebda rabta, negozju, kumpaniji barra minn Malta ħlief lukanda tal-familja fi Franza," jisħaq l-Avukat Mercieca. Jgħid li l-Prosekuzzjoni u l-parte civile jridu jġibu provi li jikkontradixxu dan jekk se jibqgħu jinsistu fuq dan.
Sephora Francalanza
15:30 Dr Mercieca jistqarr li permezz ta' ċerti mistoqsijiet tad-Difiża ħarġu xi affarijiet li kienu moħbija f'dan il-każ.
Sephora Francalanza
15:28 Isostni li d-diżordni pubblika ġejja mill-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet. Jgħid li veru dan l-assassinju poġġa lil Malta fuq il-mappa dinjija għal raġunijiet ħżiena, iżda dan mhux tort ta' Fenech. L-assassinju, skont l-avukat, huwa riżultat ta' nuqqasijiet istituzzjonali minn Kastilja, mill-Uffiċċju tal-AĠ u mill-Pulizija.
Sephora Francalanza
15:26 L-Avukat Mercieca jikkwota issa l-ħelsien mill-arrest taż-żewġ irġiel akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse. Skontu, dan juri li l-kwistjoni tad-diżordni pubblika hija perċezzjoni żbaljata.
Sephora Francalanza
15:22 Sadattant, l-Avukat Difensur għadu qed jargumenta għaliex għandu jinħeles mill-arrest Yorgen Fenech. Isostni li l-ħelsien ta' Fenech ma joħloq l-ebda diżordni pubblika, jew biża' fost il-pubbliku.
Sephora Francalanza
15:18 Il-Qorti se tiddikjara d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-talba għall-ħelsien mill-arrest għada.
Sephora Francalanza
15:16 Dr Mercieca jgħid li l-maġġorparti tal-provi qegħdin għand il-Prosekuzzjoni, mhux għand id-Difiża.
Sephora Francalanza
15:16 Peter Caruana Galizia u t-tlied ulied tiegħu u ta' Daphne Caruana Galizia jinsabu bilqiegħda ħdejn xulxin fuq bank li jaffaċċja lid-Difiża u lil Yorgen Fenech, jisimgħu.
Sephora Francalanza
15:14 "Qed nitkellmu fuq id-dritt għal-libertà, l-aktar dritt importanti u sagrosant li għandna," isostni l-Avukat Difensur.
Sephora Francalanza
15:13 L-Avukat jgħid li Fenech qed joqrob lejn sena miżmum taħt arrest preventiv, u jgħid li dan mhuwiex żmien qasir.
Sephora Francalanza
15:10 Id-Difiża tgħid li t-tweġiba tal-Avukat Ġenerali ġiet tard wisq, u dan affettwa l-każ kollu.
Sephora Francalanza
15:07 L-Avukat Charles Mercieca jargumenta li minħabba d-dewmien fil-każ, qed jinkisru d-drittijiet ta' Yorgen Fenech li jitqies innoċenti sakemm jinstab ħati.
Sephora Francalanza
15:03 Id-Difiża tibda targumenta għaliex Yorgen Fenech għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Sephora Francalanza
15:01 Il-kawża se titkompla għada fin-12.30pm.

Il-każ kostituzzjonali biex Yorgen Fenech ineħħi lill-Ispettur Keith Arnaud mill-investigazzjoni jkompli wkoll għada fil-11am.
Sephora Francalanza
14:58 Il-Maġistrat trid li llum isiru s-sottomissjonijiet tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.
Sephora Francalanza
14:58 Il-Maġistrat Montebello tilqa' t-talba tal-parte civile.
Sephora Francalanza
14:54 Suppost issa jixhed Matthew Caruana Galizia, iżda Dr Jason Azzopardi jitlob li s-seduta tiġi sospiża billi x-xhieda ħaqqha aktar minn nofs siegħa, għaliex il-Maġistrat qalet li llum is-seduta trid tintemm fit-3.30pm.
Sephora Francalanza
14:52 Id-Difiża toġġezzjona għall-mistoqsija li saret minn Dr Jason Azzopardi dwar jekk Fenech ħassx rimors fuq il-qtil. Toġġezzjona aktar għall-fatt li l-Ispettur Zahra wieġeb dik il-mistoqsija.
Sephora Francalanza
14:46 Apparti dan, provdituri tas-servizz telefoniku għandhom jintalbu jixhdu fuq il-call logs bejn l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar u Edwin Brincat il-Ġojja, minn Novembru tal-2019 'l hawn.
Sephora Francalanza
14:46 L-espert se jinħatar formalment għada.
Sephora Francalanza
14:43 Arnaud jgħid li ma joġġezzjonax biex jinħatar espert.
Sephora Francalanza
14:42 Il-Qorti tgħid lill-Ispettur Arnaud li l-Prosekuzzjoni kellha twieġeb għat-talba tad-Difiża dwar it-talba ta' espert biex janalizza l-apparat li ġabret il-Pulizija.

Arnaud jidher konfuż.
Sephora Francalanza
14:40 Qabel, iżda, l-Ispettur Kurt Zahra qed jesebixxi żewġ settijiet ta' notamenti li xehed minn fuqhom.
Sephora Francalanza
14:40 Issa mistenni jixhed Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
14:40 Sospiż il-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
14:39 Il-Maġistrat tgħid li din l-isticky note għamlitha l-Qorti. Jinstema' d-daħk f'diversi naħat tal-awla, u l-Avukati tad-Difiża malajr ipoġġu bilqiegħda.
Sephora Francalanza
14:38 L-Avukat issa jistaqsi jekk l-Ispettur ħalliex xi nota bl-inizjali tal-eks Kummissarju L.C. għal Lawrence Cutajar.

L-Ispettur jiċħad, "Ma jistax ikun."
Sephora Francalanza
14:37 L-Avukat jistaqsi jekk l-Ispettur ħalliex xi sticky note man-noti tiegħu. Jgħid li jekk ħalla, ħallieha bi żball.
Sephora Francalanza
14:34 L-Ispettur jispjega li ilu jieħu n-noti fil-ktieb konċernat sa mill-bidu tal-investigazzjonijiet. Jisħaq li n-noti msemmija mhumiex relatati max-xhieda tal-lum.
Sephora Francalanza
14:33 L-Ispettur jgħid li lill-Qorti infurmaha li neħħiehom.
Sephora Francalanza
14:32 Hemm paġni neqsin min-noti tal-Ispettur Zahra. Jgħid li neħħa dawk il-paġni għax huma marbutin mat-talbiet għall-proklama ta' Yorgen Fenech u Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
14:31 L-Avukat Caruana Curran qed jisħaq li l-evidenza tingħata lid-Difiża. Il-konverżazzjonijiet imsemmija se jiġu verifikati mill-Ispettur fis-seduta li jmiss.
Sephora Francalanza
14:31 L-Ispettur Keith Arnaud issa preżenti fl-awla wkoll.
Sephora Francalanza
14:24 L-Avukat Caruana Curran jagħmel referenza għan-noti tal-Ispettur Zahra, li jgħidu li lill-Ġojja ma semmgħulux rikording u ma riedx jitkellem.
Sephora Francalanza
14:23 L-Ispettur Zahra jtenni li lil Ian Abdilla mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi ma kellmux fir-rigward ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
14:22 Id-Difiża titlob lill-Ispettur jippreżenta l-interrogazzjoni formali jew informali li saret lil Fenech.
Sephora Francalanza
14:21 Erġajna fl-awla u se jkompli l-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
13:54 Is-seduta sospiża sas-2.15pm. Is-seduta se ddum sat-3.30pm, tgħid il-Maġistrat.
Sephora Francalanza
13:54 L-avukat jinsisti li meta Fenech beda jsemmi n-nies, il-Pulizija ma arrestathomx. Madankollu, meta ħarġu r-rikordings il-ġodda, dawn in-nies ġew arrestati għax li qal Fenech ġie kkorroborat, jgħid l-avukat.
Sephora Francalanza
13:49 L-Ispettur jgħid li ġew arrestati n-nies wara dan. Id-Difiża ma taqbilx, għax tgħid li n-nies ġew arrestati wara li ġie interrogat Fenech.
Sephora Francalanza
13:49 "Allura ma ħassejtux il-bżonn li tarrestaw nies oħra?" jinsisti l-avukat.
Sephora Francalanza
13:47 Sal-arrest ta' Fenech, l-Ispettur Zahra ma kienx għadu sema' r-rikordings ta' Melvin Theuma. Sema' biss dawk li semma' lil Fenech.
Sephora Francalanza
13:46 Mistoqsi jekk huwiex minnu li marru ħafna pulizija meta ġie arrestat Fenech, l-Ispettur jgħid li l-arrest ħadu ħsiebu l-Forzi Armati ta' Malta, u min-naħa tal-pulizija ħa ħsieb Kevin Pulis.
Sephora Francalanza
13:44 L-Ispettur itenni li lid-Difiża tawha "full disclosure li kellna sa dik il-ġurnata."
Sephora Francalanza
13:43 Ir-rikordings li kienu jafu bihom semmgħuhomlu lil Fenech, isostni l-Ispettur meta d-Difiża tibqa' tgħidlu li minn 200 rikording semmgħulu biss ftit.
Sephora Francalanza
13:41 Intant, infakkrukom b'dak li żvela l-Ispettur Zahra ftit tal-ħin ilu – għaddejja investigazzjoni fuq tentattiv ta' Fenech li jimporta l-velenu:

newsbook.com.mt/yorgen-fenech-investigat-dwar-importazzjoni-ta-velenu/
Sephora Francalanza
13:39 L-Ispettur jgħid li lil Fenech ma semmgħulux l-istqarrijiet ta' Melvin Theuma, Johann Cremona, Kenneth Camilleri u Adrian Vella, iżda jsostni li lid-Difiża semmgħulha r-rikordings kollha.
Sephora Francalanza
13:38 Lil Yorgen Fenech semmgħulu erba' rikordings huma u jinterrogawh.
Sephora Francalanza
13:37 L-avukat jistaqsi jekk lill-Ġojja semmgħulux dawn it-tappings. L-Ispettur ma jafx, allura l-Qorti tordnalu jiċċekkja.
Sephora Francalanza
13:37 L-Ispettur Zahra, meta mistoqsi fuq hekk, jgħid li mhux se jikkummenta fuq tappings tas-Servizz Sigriet, iżda jaf li kien hemm.
Sephora Francalanza
13:37 Id-Difiża tikkummenta li Arnaud kien xehed li ma semmgħulux rikordings lill-Ġojja.
Sephora Francalanza
13:36 Il-Qorti tordna lill-Ispettur jiċċekkja jekk lill-Ġojja semmgħulux rikordings ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
13:36 Zahra daħal fit-Task Force meta ġie arrestat Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
13:35 L-Ispettur jispjega li wara l-arrest ta' Fenech żdiedu l-objettivi tat-Task Force, u żdiedu n-nies.
Sephora Francalanza
13:33 Id-Difiża tgħid li Cutajar stess kien qal li informa lit-Task Force. L-Ispettur Zahra kien parti mit-Task Force.
Sephora Francalanza
13:33 Tul il-kontro-eżami, Fenech ta' sikwit iqum bilwieqfa biex jgħid xi ħaġa lill-avukati tiegħu.
Sephora Francalanza
13:32 L-Ispettur sar jaf bil-laqgħat bejn il-Ġojja u l-eks Kummissarju wara li ġie arrestat il-Ġojja.
Sephora Francalanza
13:29 Il-mistoqsijiet għall-Ġojja preparawhom l-Ispetturi Arnaud u Zahra. L-Ispettur mhux ċert jekk hu ġiex interrogat ukoll mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
Sephora Francalanza
13:28 Mal-Ispetturi Zahra u Arnaud, Edwin il-Ġojja ma riedx jitkellem.
Sephora Francalanza
13:26 Fuq talba ta' Fenech, kien inġieb it-Tabib Adrian Vella. Dan kien irrakkomanda li Fenech imur l-isptar.
Sephora Francalanza
13:25 L-Ispettur għamel 4 interrogazzjonijiet lil Theuma u kellmu informalment 4 darbiet.
Sephora Francalanza
13:24 L-Ispettur jgħid li hemm chat fuq Signal bejn Theuma u Fenech, fejn Theuma qal lil Fenech, "Tal-anqas ma jiġux arrestati tal-familja," u dawn fil-fatt ġew arrestati.
Sephora Francalanza
13:23 Jaf li ma' Theuma, ġew arrestati xi membri tal-familja imma ma jridx jispekula min kien. Jaf, iżda, li ġie arrestat Edwin il-Ġojja Brincat ukoll.
Sephora Francalanza
13:22 L-Ispettur Zahra jgħid li mhux ċert fejn ġie arrestat Melvin Theuma. Hu ma kienx preżenti.
Sephora Francalanza
13:21 ix-xhud jissokta jgħid li Fenech kellu diversi police bails, jiġifieri kieku ried, seta' jmur hu stess għand it-taqsima rispettiva tal-Pulizija biex jtikellem fuq il-korruzzjoni.
Sephora Francalanza
13:21 Dr Caruana Curran jistaqsi lill-Ispettur jekk kellux parir mill-AĠ biex jinvestiga bil-mod. L-Ispettur jiċħad dan.
Sephora Francalanza
13:20 Fl-interrogazzjoni tiegħu, Fenech beda jallega li l-Pulizija korrotta.
Sephora Francalanza
13:19 Dak iż-żmien Arnaud u Zahra nnutaw ċerti "delay tactics." Jistqarr, iżda, li Fenech kellu dan iċ-ċans kollu biex jitkellem fuq il-korruzzjoni.
Sephora Francalanza
13:17 Fenech qal li lest jitkellem fuq il-korruzzjoni fil-25 ta' Novembru. L-Ispettur Arnaud u Zahra ma interrogawhx fuq hekk, għax il-qasam tagħhom huwa l-omiċidju. Jgħid, iżda, li kien hemm anke l-Kummissarju preżenti.
Sephora Francalanza
13:17 Fil-bidu tal-istqarrija tiegħu, il-Pulizija ma bdietx temmen lil Dr Adrian Vella. L-eks Kummissarju beda jgħidlu li qed jigdeb.
Sephora Francalanza
13:15 Fir-rikordings jissemma li l-eks Kummissarju Cutajar se jieħu l-flus għall-proklama ta' Melvin Theuma.

Għaddejja investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Sephora Francalanza
13:15 Fir-rikordings ta' Theuma jingħad li Theuma ġab l-informazzjoni mingħand Cutajar? L-Ispettur iwieġeb li jingħad li l-Ġojja tah l-informazzjoni, mhux il-Kummissarju Cutajar.
Sephora Francalanza
13:13 Dwar l-eks Kummissarju u l-Ġojja: kien hemm telefonata bejniethom qabel ma xehed il-Ġojja, jgħid l-Ispettur Zahra.
Sephora Francalanza
13:12 Id-Difiża trid li l-Ispettur jiċċekkja mingħand il-Kummissarju kif wasal għand il-Kabinett, iżda l-Ispettur Zahra jgħid li dan ma jistax jiċċekkjah hu.
Sephora Francalanza
13:11 L-Avukat: "Min mar għand il-Gvern bl-informazzjoni ta' Theuma u Fenech għall-proklama?"

L-Ispettur: "Ħadd ma mar essaċċ. Iż-żewġ persuni kienu arrestati fl-istess żmien. Mill-investigazzjonijiet għamilna rapport li għaddejna lill-Kummissarju bil-konklużjonijiet."
Sephora Francalanza
13:10 L-Ispettur jgħid li dan mhux minnu u jispjega għaliex.
Sephora Francalanza
13:10 Id-Difiża tistaqsi kienx hemm laqgħat simili mal-Koħħu, Melvin Theuma, eċċ.
Sephora Francalanza
13:09 Għal laqgħat informali ma' Fenech, kien hemm l-Ispettur Zahra, l-Ispettur Arnaud, Dr Caruana Curran, Dr Camilleri, Fenech innifsu u għal uħud minnhom kien hemm anke l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Sephora Francalanza
13:09 Huwa mistoqsi dwar in-notamenti li ħa waqt l-interrogazzjoni. Jgħid li ma ħax ħafna noti, qegħdin fl-uffiċċju x'aktarx.
Sephora Francalanza
13:08 Dawn in-notamenti tiegħu differenti minn dawk li uża f'seduta oħra.
Sephora Francalanza
13:07 Id-Difiża tistaqsi lill-Ispettur Zahra dwar in-notamenti li qed jaqra minnhom. Jgħid li dawn għamilhom bi tħejjija għax-xhieda tiegħu llum.
Sephora Francalanza
13:06 Hu kjarifikat li Fenech ta n-numru tal-mowbajl mhux il-mowbajl tiegħu.
Sephora Francalanza
13:04 L-Avukat Gianluca Caruana Curran jistaqsi fuq il-mowbajl ta' Fenech, jekk dan tahulhomx minn jeddu waqt l-interrogazzjoni.
Sephora Francalanza
13:04 Imiss issa l-kontro-eżami tad-Difiża.
Sephora Francalanza
13:02 L-Ispettur jgħid li għaddejja investigazzjoni fuq tentattiv ta' importazzjoni ta' cyanide min-naħa ta' Yorgen Fenech. L-Avukat Mercieca jqum joġġezzjona u Fenech jitbissem.

"Ma huwa veru xejn," jiddikjara l-avukat.
Sephora Francalanza
13:02 Sadattant, Fenech u d-Difiża jidhru urtati b'dak li qed jingħad.
Sephora Francalanza
13:00 Ikompli jgħid li dan jikkonferma l-ipotesi tal-Pulizija li Caruana Galizia nqatlet għal xi ħaġa li kienet għadha se tiżvela. It-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi qed tinvestiga dan.
Sephora Francalanza
13:00 L-Ispettur jikkonferma li fil-bidu tal-2017, Caruana Galizia rċeviet aktar minn 600,000 email dwar l-Electrogas.
Sephora Francalanza
13:00 L-Avukat Charles Mercieca jqum biex joġġezzjona u l-Maġistrat Montebello twaqqfu biex tisma' d-domanda tal-Avukat Azzopardi.
Sephora Francalanza
13:00 Yorgen Fenech ixejjer subgħu biex jindika "le."
Sephora Francalanza
12:56 Azzopardi jibda jistaqsi dwar rikording bejn Theuma u terza persuna. Il-mistoqsija hi jekk il-Pulizija tistax tikkonferma dak li qal Theuma lil din il-persuna, li Yorgen kien qed jiffitta lil Theuma biex jiffitta lill-Fulu biex ifittex iwettaq il-qtil.
Sephora Francalanza
12:55 Fenech ma spjegax lill-Ispettur waqt l-interrogazzjoni kif kien jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017.
Sephora Francalanza
12:53 L-Ispettur jikkummenta li hemm diversi drabi fejn Fenech u Theuma jaqblu fl-istqarrijiet tagħhom.
Sephora Francalanza
12:53 L-Ispettur Zahra jgħid li ma jidhirlux li Fenech wera rimors li nqatlet il-ġurnalista.
Sephora Francalanza
12:52 Jissemma kif Yorgen Fenech kien jaf bir-rejd tal-aħwa Degiorgio għax kien jgħaddilu l-informazzjoni Schembri,
Sephora Francalanza
12:51 L-Ispettur jikkonferma li Joseph Muscat ġie mitkellem “taħt caution” meta ġie interrogat mill-Pulizija riċentament.
Sephora Francalanza
12:51 L-Ispettur jikkjarifika li hu ma kienx involut fl-investigazzjoni b’rabta mal-Koħħu, iżda jgħid li fl-istqarrija Fenech il-ħin kollu semma li Keith Schembri kien jgħaddilu ħafna informazzjoni fuq l-investigazzjoni.
Sephora Francalanza
12:47 "'Kien qalilkom il-Koħħu u kontu kellimtu lill-Koħħu fuqu' – Fenech kif kien jaf x’qal il-Koħħu?" jistaqsi Azzopardi.
Sephora Francalanza
12:44 L-armel ta' Daphne Caruana Galizia jisma' dak kollu li qed jingħad b'għajnejh magħluqin.
Sephora Francalanza
12:43 Waqt dan il-kontro-eżami, Yorgen Fenech u l-avukati tiegħu l-ħin kollu jfesfsu f'widnejn xulxin.
Sephora Francalanza
12:41 Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, Fenech qal li dawn ir-rikordings ma semagħhomx. Ħin ieħor fl-istess stqarrija jgħid li għax ma jiftakarhomx.
Sephora Francalanza
12:39 L-Ispettur jgħid li Melvin Theuma qalilhom li lil Yorgen Fenech għaddielu ftit mir-rikordings lil Fenech, biex jekk se jagħmlulu xi ħaġa, għandu dawn ir-rikordings x'juri.
Sephora Francalanza
12:39 "Kellna group chat – jiena u hu u Keith" – L-Ispettur jikkonferma li kien hemm chat bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija.
Sephora Francalanza
12:35 L-Ispettur jispjega li meta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat staqsa lil Yorgen Fenech jekk lil Melvin Theuma jafdahx jew le, meta ltaqa' miegħu f'Kastilja, Fenech qallu li ma kienx qed jafdah għax kien qed jirrekordjah.
Sephora Francalanza
12:33 "Il-PM kien jaf li qed jirrekordjawlna l-mowbajls" – Fenech lill-Ispettur fl-istqarrija lill-Pulizija.
Sephora Francalanza
12:33 "Jien qabel kont ħabib tiegħek, jien għażiltek għal dil-biċċa xogħol." – Fenech lil Theuma fir-rikordings

Mistoqsi għal liema biċċa xogħol kien qed jirreferi hawn, Fenech qal lill-Ispettur waqt l-istqarrija li mhux ċert eżatt.
Sephora Francalanza
12:30 Azzopardi jistaqsi lill-Ispettur jekk ġieli tkellmux Fenech u Theuma fil-preżenza ta' wlied Fenech, kif jinstema' fir-rikordings.

L-Ispettur jgħid li raha stramba kif Fenech kien qed iħossu mhedded u ħalla lil Theuma fil-preżenza ta' wliedu.
Sephora Francalanza
12:29 Fenech qal lill-Pulizija li kien qed iħallas lil Theuma biex jeħles minnu. Madankollu, Fenech qalilhom li kien qed jiġi mhedded jew iħoss pressjoni ladarba kien taħt arrest.
Sephora Francalanza
12:28 Id-Difiża tgħid li ma tafx għaliex qegħdin isiru mistoqsijiet lill-Ispettur Zahra dwar ix-xhieda ta' Theuma, li Theuma diġà ġie mistoqsi dwarha.

"M'għandekx għalfejn tkun taf," jgħid Azzopardi direttament lil Mercieca, u l-Maġistrat ċċanfru.
Sephora Francalanza
12:25 Meta Fenech qal, "Meta għidtlu, dak kesaħ," għal min kien qed jirreferi, jistaqsi Azzopardi. L-Ispettur jgħid li tinftiehem li kien qed jirreferi għal Keith Schembri.
Sephora Francalanza
12:25 Staqsa hekk għaliex x'kien il-bżonn li Theuma jmur għand Fenech jekk kien jaf lil Schembri? "Għax ma marx għand Schembri direttament?" Fenech qal li Theuma ma kienx jafu sew lil Schembri.
Sephora Francalanza
12:25 L-Ispettur jgħid li din trid tittieħed fil-kuntest li Fenech allega li l-qtil ma bediex minnu, u li hu kien iħossu bejn il-basla u qoxritha, bejn Schembri u Theuma.
Sephora Francalanza
12:23 Dr Azzopardi jistaqsi lill-Ispettur Zahra x'kien qed jipprova jasal għalih meta staqsa lil Fenech jekk Theuma jafx lil Schembri.
Sephora Francalanza
12:22 Analiżi mill-mowbajls ikkonfermat li Theuma veru mar Club 22 dakinhar, jgħid l-Ispettur.
Sephora Francalanza
12:22 Fejn mar Theuma l-għada tal-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia: mar jittawwal lil Yorgen Fenech, fejn kien hemm grupp ta' nies imdawrin ma' mejda, u minnhom għaraf lil Turab Musayev mill-Electrogas.

Dan skont ix-xhieda ta' Melvin Theuma.
Sephora Francalanza
12:20 Il-kwistjoni tax-xogħol fantażma ta' Melvin Theuma ġrat fl-2017, jikkonferma l-Ispettur, ftit wara li kellem lill-aħwa Degiorgio fuq il-qtil.
Sephora Francalanza
12:19 L-Ispettur jagħti d-dettalji dwar dan il-kontenut. Jispjega li r-ritratt ġie fil-pussess tal-Pulizija għaliex kien fil-kaxxa tal-ġelati ta' Melvin Theuma, li fiha kellu r-rikordings.
Sephora Francalanza
12:18 Din dwar Melvin Theuma – Fenech kien qed ikellem lill-avukat tiegħu waqt li qed jagħti l-istqarrija lill-Pulizija dwar "il-kuntratt tax-xogħol li kien tah Keith" flimkien ma' payslips u ritratt li kellu Theuma ma' Keith Schembri f'Kastilja.
Sephora Francalanza
12:16 L-avukat issa jdur għal biċċa differenti mill-istqarrija.
Sephora Francalanza
12:15 Burner phone x'inhu? L-Ispettur jgħid li dawn ikunu rħas, ma jkollhomx ċerti konnessjonijiet bħall-4G, u ġeneralment jintużaw għal attività kriminali u mbagħad jintremew wara li titlesta dik l-attività.
Sephora Francalanza
12:15 Jistaqsih dwar telefonata li rċieva Yorgen Fenech minn fuq mowbajl finta.
Sephora Francalanza
12:13 Dr Jason Azzopardi jgħid li se tkompli l-analiżi tal-istqarrija li Yorgen Fenech ta lill-Ispettur f'Novembru li għadda.
Sephora Francalanza
12:13 Se jitkompla issa l-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra.
Sephora Francalanza
12:06 Jisħaq li kull prova għandha tkun relevanti, b'differenza għal li qal Azzopardi.
Sephora Francalanza
12:05 L-Avukat Mercieca jaċċenna għal żewġ Artikoli tal-liġi biex jagħmel il-punt tiegħu, filwaqt li Dr Azzopardi jidher ixengel rasu għal li qed jgħid l-avukat.
Sephora Francalanza
11:59 Id-Difiża trid twieġeb dwar dak li allega Azzopardi fil-konfront tagħha.
Sephora Francalanza
11:58 Hemm tentattivi ta' "kampanja orkestrata kontra l-parte civile biex din tkun iċċensurata," jgħid Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:53 L-Avukat Jason Azzopardi jgħid li l-parte civile għandha 3 punti x'tagħmel:

1. Li kull meta d-Difiża twaqqaf lill-parte civile milli tagħmel domandi lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni qed tippreġudika d-dritt tal-avukati li jirrappreżentaw lill-vittma u familtha

2. Li huwa skorrett li d-Difiża titħalla tistaqsi r-relevanza tax-xhud jew prova jew domanda tal-Prosekuzzjoni jew tal-parte civile

3. Jisħaq li l-parte civile tista' tagħmel prova dwar kwistjoni li ma tħallietx tistaqsi dwarha fl-aħħar seduta f'dan l-istadju biss.
Sephora Francalanza
11:49 L-Ispettur jiċħad kompletament li l-parte civile għandhom aċċess għall-kopji tal-mowbajl.
Sephora Francalanza
11:49 L-Ispettur Zahra jikkjarifika li l-esperti tal-Europol fl-Olanda biss għandhom aċċess għall-mowbajl. Il-Pulizija Maltija għandha aċċess biss għall-kopji li saru mill-mowbajl.
Sephora Francalanza
11:47 Id-Deputat AĠ jgħid li ma jistax iwieġeb sakemm ma l-Facebook posts imsemmijin jiġu preżentati.
Sephora Francalanza
11:46 Wara li sabet missed call, pruvat iċċempel fuq l-istess numru iżda ma kienx f'pożizzjoni li jirrispondi.
Sephora Francalanza
11:41 Mart Yorgen Fenech, Mari, titla' tixhed sabiex tippreżenta r-rapport li sar għand il-Pulizija nhar il-Ġimgħa li għadda meta rċeviet telefonata min-numru ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:40 Mercieca jkompli jgħid li mill-Facebook posts tal-parte civile, jiġifieri l-Avukat Jason Azzopardi, jidher li dan għandu aċċess għal "pataflun provi" li m'għandux aċċess għalihom Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:38 L-Avukat Mercieca qed ikompli bit-talbiet tad-Difiża mal-verbal tal-Qorti u l-Maġistrat Rachel Montebello tgħidlu biex darb'oħra d-Difiża tuża l-proċedura xierqa, u mhux seduti bħal dawn.
Sephora Francalanza
11:37 L-Avukat Mercieca jgħid li b’konsegwenza ta’ dan, l-akkużat se jagħmel talba sabiex f’dik l-eventwalità, huwa jitlob li l-proċedimenti kontrih jiġu nulli peress li qegħdin jinkisru d-drittijiet tiegħu. Jitlob lill-Qorti biex tirreferi l-kwistjoni fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex tiddetermina jekk humiex jinkisru d-drittijiet ta’ Fenech.
Sephora Francalanza
11:37 L-avukati jgħidu li leaks bħal dawn għandhom l-intenzjoni li jinfluwenzaw ġuri potenzjali jekk il-proċedimenti jaslu f'dak l-istadju.
Sephora Francalanza
11:33 Għalhekk, id-Difiża fetħet rikors kostituzzjonali dwar dan.
Sephora Francalanza
11:27 Id-Difiża tilmenta li 9 xhur wara li saret it-talba, hija ma ngħatatx aċċess għall-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:26 L-avukat jgħid li nhar il-Ġimgħa fis-2.30pm, il-mara ta' Yorgen Fenech irċeviet telefonata minn fuq il-mowbajl ta' żewġha, li suppost qed jinżamm mill-Pulizija u jintuża anke bħala evidenza fl-inkjesta maġisterjali fuq il-qtil. Dwar dan sar rapport l-għassa u ġie infurmat l-Ispettur Arnaud.
Sephora Francalanza
11:24 L-Avukat Charles Mercieca jgħid li jidher li l-parte civile u anke xi midja lokali għandhom aċċess għall-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:23 L-Ispettur Keith Arnaud illum mhuwiex preżenti, iżda l-Qorti hija infurmata li ġej dalwaqt.
Sephora Francalanza
11:20 Illum se jkompli l-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra u se jixhed ukoll Matthew Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:20 Tidħol fl-awla l-Maġistrat Montebello.
Sephora Francalanza
11:17 Kulħadd jinsab f'postu, jonqos biss il-Maġistrat Rachel Montebello. Minn ħin għall-ieħor qed nistennew is-seduta tibda.
Sephora Francalanza
11:02 Daħal ukoll id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia.
Sephora Francalanza
11:00 Fl-istess ħin daħlu l-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran mid-Difiża.
Sephora Francalanza
11:00 Għadu kemm daħal fl-awla l-akkużat Yorgen Fenech, li tbissem lill-membri tal-familja tiegħu hu u dieħel.
Sephora Francalanza
10:59 Hawn preżenti wkoll il-membri tal-familja Caruana Galizia, inkluż it-tliet uliedha.
Sephora Francalanza
10:59 Preżenti fl-awla hawn l-Avukata Marion Camilleri mid-Difiża, l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia mill-parte civile, u l-Ispettur Kurt Zahra mill-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
10:59 Bonġu minn awla 22.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta, sar il-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni. Il-kontro-eżami sarlu mid-Difiża ta’ Fenech. Beda wkoll l-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra mill-Avukat parte civile Jason Azzopardi, iżda l-kontro-eżami se jkompli fis-seduta tal-lum.

Xi spikka mix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud?

  • Keith Schembri ġie arrestat darbtejn; l-ewwel darba meta “tilef il-mowbajl”
  • Keith Schembri ta’ 3 stqarrijiet lill-Pulizija: waħda ta’ sagħtejn, oħra ta’ siegħa u oħra ta’ 40 minuta
  • Meta arrestaw lit-Tabib Adrian Vella (it-tabib ta’ Fenech) ma kinux jafu li kien it-tabib ta’ Keith Schembri wkoll.
  • Il-Pulizija bagħtet għal Kenneth Camilleri darbtejn. Camilleri jgħid li lil Yorgen Fenech ma jafux u qatt ma ltaqa’ miegħu.
  • L-investigazzjoni fuq Keith Schembri ma spiċċatx
  • Lawrence Cutajar kellu telefonati mal-Ġojja f’Ġunju li għadda; għadhom qed jiġu investigati
  • Lil Melvin Theuma l-Pulizija interrogatu seba’ darbiet
  • Ma jafx jekk Theuma għandux iktar rikordings li ħbiehom meta kien jaf li se jiġi arrestat

Xi spikka mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra?

  • Fl-interrogazzjoni Yorgen qatt ma ċaħad l-involviment tiegħu fil-pjan tal-qtil ta’ Daphne
  • Fl-interrogazzjoni Yorgen qal lill-Pulizija li l-eks PM tkellem darbtejn miegħu fuq il-każ. Preżenti kien hemm Keith Schembri.
  • “Mexxi, mexxi, mexxi”, qal Keith Schembri lil Yorgen Fenech meta sema’ bil-pjan ta’ Theuma biex tinqatel Daphne
  • Meta ġie arrestat Melvin Theuma, Keith Schembri ċempilli 30 darba, waħda f’waħda – Yorgen lill-Pulizija
  • “Jien kont bejn il-basla u qoxritha, bejn Melvin u Keith Schembri, dażgur li kelli għalfejn ninkwieta,” qal Yorgen

L-Ispetturi tal-Pulizija Keith Arnaud u Kurt Zahra qed imexxu l-Prosekuzzjoni.

L-Avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għall-akkużat.

L-Avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Costanzi qed jidhru parte civile.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qed tippresedi l-Qorti.