Ikompli l-każ ta’ tfajla Pakistan ta’ 14-il sena sfurzata li tikkonverti għall-Islam

Huma
Huma Younus - it-tfila sfurzata tikkonverti għall-Islam u tiżżewweġ- © ACN

Din il-ġimgħa fil-Pakistan jista’ jseħħ żvilupp storiku hekk kif il-Qorti mistennija tkompli tisma’ l-każ ta’ Huma Younus, tfajla Kattolika ta’ 14-il sena li kienet imġiegħla tikkonverti għall-Islam u tiżżewweġ bilfors.

Tabassum Yousaf, l-avukat li qed jirrappreżenta lil din it-tifla, qallil Aid to Church in Need li żewġ Imħallfin tal-Qorti Suprema tal-provinċja ta’ Sindh, ta struzzjonijiet lill-pulizija li qed jinvestigaw il-każ tat-tfajla, bie jeħduha l-Qorti fis-seduta li jmiss li se ssir nhar it-Tnejn li ġej.

Jekk dan jiġri, tkun l-ewwel darba li vittma ta’ konverżjoni sfurzata tingħata permess tixhed fil-Qorti.  Il-każ ta’ din it-tifla li nħatfet fl-10 ta’ Ottubru li għadda hu l-ewwel każ ta’konverżjoni u żwieġ furzati li tressaq quddiem il-Qorti Suprema fil-Pakistan u l-ewwel darba wkoll li hemm kawża dwar il-Liġi li tirrestrinġi iż-Żwiġijiet tat-Tfal.

Din il-liġi, li tipprojbixxi ż-żwiġijiet ma’ minuri li daħlet fil-provinċja ta’ Sindh fl-2014, sal-lum qatt ma tħaddmet. “Sal-lum ebda familja ma rnexxielha tfittex il-ġustizzja għax l-insara huma foqra u ma jifilħux iħallsu l-ispejjeż legali”, spjega l-Avukat Yousaf.

Pulizija korrotti

Madankollu mhux se jkun faċli li Huma tmur lura fid-dar tal-ġenituri tagħha anke minħabba l-korruzzjoni tal-pulizija li jiftehmu ma’ min ħatafha.

L-Avukat tat-tifla qal li “fil-Qorti, l-uffiċjal tal-pulizija inkarigat mill-investigazzjoni qal li fid-9 ta’ dan ix-xahar Huma ttieħdet il-Qorti biex tiffirma dikjarazzjoni li tgħid li hi adulta. La jien u anqas il-ġenituri tagħha ma konna nfurmati u din il-proċedura suppost ma tistax issir jekk ma jkunux preżenti iżż-żewġ partijiet.  Dan juri biċ-ċar kemm il-pulizija qed jgħinu lil min ħataf lit-tifla”.

Jekk min ħataf lit-tifla, li hu Musulman,  jibqa’ jippersisti verbalment li t-tifla għandha età ta’ waħda adulta, il-ġenituri tagħha taw lill-Qorti żewġ dokumenti li juru li hi għadha minuri: wieħed ċertifikat mill-iskola u l-ieħor iċ-ċertifikat tal-magħmudija.  It-tnejn juru li Huma Younus twieldet fit-22 ta’ Mejju 2005.

Filwaqt li qed jistennew is-smiegħ fil-Qorti nhar it-Tnejn li ġej, il-ġenituri tat-tifla reġgħu għamlu appell imqanqal: “Nappellaw lill-komunità internazzjonali u lill-ġurnali internazzjonali ewlenin u lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jitkellmu b’difiża ta’ Huma.  Bintna għandha biss 14-il sena.  Kieku hi bintkom li għaddejja minn dan kollu, x’kontu tagħmlu?. Kemm kontu ssofru? Qisu lit-tifla tagħna daqs li kieku kienet it-tifla tagħkom. Għinuna”.