Ikompli l-Kampjonat Nazzjonali ASMK

Nhar il-Ħadd l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli bil-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2018/2019. Is-Sezzjoni Autocross tal-Assoċjazzjoni se tkun qed ittella’ l-għaxar progamm tal-istaġun fejn kollox jibda fl-10:00am fil-Kumpless Sportiv f’Ta’ Qali.

Il-Ħadd li għadda, ingħalaq l-ewwel il-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019. Għal din l-attivtà ħadu sehem 20 kompetitur maqsuma fit-tliet klassijiet. Fil-Motocross Klassi A Bernard Sammut ġie l-ewwel segwit min Mark filwaqt li fit-tielet post spiċċa Kyle Camilleri. Il-Motocross Klassi B rebaħ Garry Debono segwit minn Krist Falzon u Daniel Caruana. Il-Klassi Veterans intrebħet minn Carmelo Borg u warajh ġew Paul Deguara u Anthony Grech rispettivament.

L-Assoċjazzjoni ħabbret li l-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2018/2019 intrebaħ min Kyle Camilleri li rnexxielu b’kollox jirbaħ erba’ tiġrijiet min sitta u spiċċa b’294 punt segwit min Mark Mamo li għalaq l-istaġun b’256 punt. Il-Kampjonat Nazzjonali Motocross Veterans 2018/2019 intrebaħ min Carmelo Borg fejn tul dan l-istaġun irnexxilu jirbaħ kull tiġrija li saret u għalaq l-istaġun b’300 punt. Borg kien segwit min Jethro Sant b’248 punt.

Għal dawk kollha interessati li jieħdu sehem fid-Demolition Derby tal-Vannijiet ta’ din is-sena, se tkun qed issir laqgħa nhar il-Ħamis 13 ta’ Ġunju fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Il-laqgħa tibda fit-8.00pm. Biex wieħed jieħu sehem u jirreġistra irid ikollu tal-inqas 18 il-sena u liċenzja tas-Sewqan.