Ikompli l-inkwiet politiku għall-President Trump

L-inkwiet politiku għall-President Amerikan Donald Trump u l-partit Repubblikan kompla jiżdied, hekk kif is-Senatur ta’ Arizona Jeff Flake ħabbar li mhux se jkompli fil-politika.
Flake qal li ddeċieda hekk minħabba dak li ddeskriva bħala mġieba mhux għaqlija u bla dinjità fl-ogħla livell tal-gvern ta’ Trump, liema mġieba hija ta’ periklu għad-demokrazija.
Is-Senatur Flake qal li hu missieri u nannu u ma jista’ qatt jagħżel li jkun kompliċi.
Is-Senatur Repubblikan John McCain, li kien ukoll ikkontesta għal Presidenza kontra l-eks-President Barack Obama, kien fost tal-ewwel li esprima kliem ta’ tifħir għall-karriera politika ta’ Flake. Is-Senatur veteran McCain huwa fost wieħed mill-aktar Repubblikani kritiċi tal-President Trump.
Din l-aħħar sajjeta fil-partit Repubblikan tal-President Trump tiġi fl-isfond ta’ ġlieda interna qawwija bejn il-President Trump u s-Senatur minn Tennessee Bob Corker li ddeskriva lill-President Trump bħala giddieb li dgħajjef id-demokrazija u l-Istati Uniti.
Min-naħa tiegħu l-President Trump ddeskriva lis-Senatur Flake bħala karattru tossiku u lis-Senatur Corker bħala politiku li tilef kull tama u ċans li qatt jiġi elett f’xi kariga fil-politika.