Ikompli l-ġuri dwar il-qtil ta’ Krstic Dragoljub

Fil-Qorti Kriminali kompla l-ġuri tal-Bulgaru Emil Atanasov akkużat bil-qtil tas-Serb Krstic Dragoljub fi Frar tal-2014.
Illum kien imiss li tinstema' x-xhieda ta' Dani Krsteski, Maċedonjan li qal li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar tliet snin u li kien jaħdem mal-akkużat.
Fix-xhieda ta' llum ħareġ li wara lejla f'bar fl-istess blokka fejn jinsab l-appartament fejn seħħ id-delitt, ix-xhud flimkien mal-akkużat, il-vittma u persuna oħra, telgħu fl-appartament tax-xhud wara nofsillejl u qagħdu jisimgħu il-mużika u jiddevertu.
Ix-xhud kompla li wieħed mill-ġirien, Glenn Zahra minħabba l-istrobju tfielhom id-dawl tal-appartament, għalkemm qal li ma jiftakarx jekk il-main switch kienx jinsab fl-appartament stess jew le.
Huwa xehed li wara li llarga mill-appartament f'nofs ta' lejl biex jixtri s-sigaretti, meta rritorna sab li kien seħħ argument bejn l-akkużat u l-vittma u hu pprova jferraqhom.
Spjega li wara li l-akkużat daħal fil-kamra tiegħu, il-vittma flimkien mal-persuna l-oħra qabdu se jitilqu 'l barra u x-xhud daħal f'kamartu. Spjega iżda li ftit wara sema' xi ħaġa tal-metall (probabbilment is-sikkina li ntużat fid-delitt) taqa' mal-art. Qal li dak il-ħin sema' lill-vittma jgħajjat.
Qal li minħabba li l-appartament kien għadu fid-dlam, ma kienx jaf x'qed jiġri iżda kif ħareġ fit-taraġ lemaħ lil Dragoljub mixħut mal-art.
Wara li sejjaħ għall-ambulanza u l-pulizija minn isfel, Atanasov niżel warajh u x-xhud spjega li kien hemmhekk li nduna li l-akkużat kien ferut ukoll.
Il-każ ikompli, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-avukati Philip Galea Farrugia u Elaine Mercieca mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Malcolm Mifsud.