Ikompli l-ġlied fil-kosta fil-punent tal-Libja

FILE PHOTO: REUTERS/Costas Baltas

Read in English.

Forzi allinjati mal-gvern tal-Libja, li huwa rikonoxxut internazzjonalment, ħatfu żewġ bliet fil-punent tal-kapitali Tripli nhar it-Tnejn wara ġlied qalil u attakki bid-drones, skont rapporti minn sorsi militari u minn residenti.

Jekk iżommuhom, il-bliet ta’ Surman u Sabratha jirrappreżentaw rebħa sinifikanti għall-forzi li ilhom sena jiġġieldu f’kampanja kontra Tripoli mnedija minn rivali leali għall-kmandant Khalifa Haftar, li huwa bbażat fil-lvant tal-pajjiż.

Dan jista’ jservi wkoll biex tittaffa l-pressjoni fuq il- Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali (GNA) li huwa bbażat fi Tripoli, li qed jaffaċċja nuqqas fil-provvista tal-ilma u qtugħ fis-servizzi tal-elettriku f’dawn l-aħħar jiem, kif ukoll it-telf ta’ dħul minħabba l-imblokk ta’ portijiet taż-żejt fil-lvant tal-pajjiż.

Il-Libja ilha mill-2014 maqsuma f’partijiet rivali bbażati fi Tripoli u fil-lvant, li kollha għandhom istituzzjonijiet paralleli. Matul din l-aħħar sena kien hemm żieda fil-ġlied, u dan wassal għal aktar involviment minn barra l-pajjiż hekk kif l-armata ta’ Haftar (LNA) attakkat il-belt kapitali.

Nhar it-Tnejn, residenti u sorsi militari miż-żewġ naħat qalu li forzi allinjati mal-GNA kienu ħadu kontroll sħiħ ta’ Surman, madwar 60km (37 mil) fil-punent ta’ Tripoli, u wkoll Sabratha, fil-punent ta’ Surman. Iż-żona kienet ċentru għall-immigrazzjoni illegali u militanti Iżlamiċi f’dawn l-aħħar snin. 

Vidjos li qed jiċċirkolaw online juru diversi ġellieda tal-GNA jisparaw fl-arja viċin ta’ roundabout fiċ-ċentru ta’ Sabratha.

Il-kunsill muniċipali tal-belt, li jappoġġja lill-LNA, qal li attakki bid-drones li seħħew mas-sebħ kienu ħallew numru ta’ ġellieda mejta jew feruti. “Il-ħoss tad-drones itiru fuq il-belt kien qisu l-ħoss tan-naħal,” qal resident. “Kien hemm diversi attakki mill-ajru.” 

Xi priġunieri nħelsu minn bini ta’ sigurtà għolja fis-Surman, skont sors militari tal-LNA. 

Il-forzi tal-ġlied fuq l-art ilhom jikkumbattu biex jirnexxilhom javvanzaw madwar Tripoli, u spiss jiddependu fuq għajnuna minn forzi u drones barranin. L-LNA hija appoġġjata mill-Emirati Għarab Magħquda, mill-Ġordan u mir-Russja skont esperti u uffiċjali diplomatiċi tan-N.U., filwaqt li l-GNA hija appoġġjata mit-Turkija.

Talbiet riċenti għall-waqfien mill-ġlied biex il-pajjiż jipprova jikkontrolla l-imxija tal-coronavirus fallew milli jwaqqfu l-vjolenza. S’issa l-Libja rrappurtat 25 każ ta’ coronavirus, inkluż persuna waħda li tilfet ħajjitha. 

Nhar it-Tnejn, fi Tripoli, kienu jinstemgħu splużjonijiet qawwija u ġlied qawwi bl-armi madwar il-belt matul il-ġurnata kollha. Nhar il-Ħadd kien hemm ġlied vjolenti fin-nofsinhar ta’ Misrata, bażi militari ewlenija li tappoġġja lill-GNA.

Il-provvista tal-elettriku fiż-żoni tal-punent ilha wieqfa minn nhar il-Ħamis, meta ngħalaq valv tal-gass f’attentat imsejjaħ ‘għeluq illegali’ minn National Oil Corporation.

Il-provvista tal-ilma lejn il-belt kapitali, imwaqqfa minn grupp armat il-ġimgħa l-oħra, reġgħet lura għan-normal wara l-intervent ta’ uffiċjali lokali, skont stqarrija li Ahmad al-Deeb, uffiċċjal għoli ta’ Libya’s Great Man Made River, għamel lil Reuters.