Ikompli l-battibekk dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-dikjarazzjoni tal-Ministru Owen Bonnici li l-Prosekutur Ġenerali se jinħatar mill-Gvern tmur kontra l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, peress li din ikkonkludiet li jeħtieġ li l-ħatriet fl-istituzzjonijiet ikunu indipendenti. Intant, fi stqarrija li bagħat b’risposta, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li l-proċess ta’ diskussjoni parlamentari fuq is-suġġett għadu ma bediex fil-Parlament.

Fi stqarrija, il-PN kompla jgħid li din hija turija li l-Gvern kellu jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja wara li għamel żmien jirreżistihom meta l-PN stess issuġġerihom. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru sostna li r-raġuni għaliex il-Gvern aċċetta r-rakkomandazzjonijiet hi għax ma jibżax ibiddel ir-rotta.

 Il-PN se jressaq mozzjoni biex il-President jiġi elett minn 2 terzi tal-Parlament

Il-PN qal li filwaqt li jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja, irid li dawn jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni u l-liġijiet anċillari malajr kemm jista’ jkun u li l-ħatriet tal-President tar-Repubblika u l-Kummissjonijiet imsemmija fil-Kostituzzjoni jibdew jinħatru biż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.