Ikompli l-attakk fuq is-sunbeds; Illum Blue Lagoon… għada fejn?

Il-bajja ta’ Blue Lagoon f’Kemmuna llum rat inqas sunbeds, hekk kif ġew ikkonfiskati madwar 25 sunbed li kienu qed jokkupaw parti mill-bajja b’mod illegali.
Newsbook.com.mt tkellem maċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, wara li lbieraħ ġew ikkonfiskati mijiet ta’ sunbeds u umbrelel mill-bajja tal-Armier, li mlew ħames trakkijiet.  Aħbar mhux daqstant tajba għall-operaturi, iżda tinżel għasel mal-pubbliku, li jħoss li jista’ jmur il-baħar b’moħħu mistrieħ li se jsib roqgħa fejn joqgħod, f’każ li ma jkunx irid jagħmel użu mill-umbrelel u d-deckchairs.
"Ma bdejniex mill-Armier"
Dr Gulia spjega li l-infurzar isir kuljum u ma bediex ilbieraħ fl-Armier. Stqarr li r-rejd tal-bieraħ ġibed l-attenzjoni ta’ kulħadd, minħabba l-ammont kbir ta’ sunbeds li hemm fuq il-bajja.
Stqarr, li f’Kemmuna u fl-Għadira, uffiċjali tagħha jissorveljaw li ma tinkiser l-ebda liġi, minn filgħodu sa filgħaxija, sebat ijiem fil-ġimgħa. Kompla jgħid li kull ċaqlieq li qed tagħmel l-Awtorità, qed isir bil-kunsens tal-operaturi kollha.
Il-Pulizija llum ma ġietx imsejħa
Sadanittant, għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Pulizija qal li llum ma ntalbitx l-għajnuna tal-Korp, biex jassisti f’rejd simili għal dak tal-bieraħ fl-Armier.
Dwar dan, l-Eks Ċerpersin ta' Alternattiva Demokratika Michael Briguglio qal li din hija kumbinazzjoni, li l-Gvern qed jieħu azzjoni speċifikament fl-Armier, fl-istess ġimgħa li kienet ikkaratterizzata minn mewġa ta' permessi f'Żoni Barra mill-Iżvilupp (ODZ).  
Fuq Facebook, Briguglio semma kif il-Maltin assistew għal attività simili s-sena li għaddiet, f'nofs kontroversja oħra. Żied jgħid li inċidentalment il-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema, ilu snin jirrapporta użu abbużiv ta' art pubblika.
Qarrejja ta’ Newsbook.com.mt qalu li sakemm ma jkunx hemm multi severi għall-operaturi, mhu se jinbidel xejn, għax jgħaddi ftit żmien u jerġgħu jibdew l-abbużi.
Oħrajn insistew li s-sistema għandha tinbidel u minflok issib id-deckchair u l-umbrella diġà fuq il-bajja, din għandha titwaħħal dak il-ħin meta tinkera.
Dwar ir-rejd fl-Armier, kien hemm min qal li s-sunbeds li ġew ikkonfiskati għandhom jitkissru.
Reklam ħażin
Kien hemm imbagħad min ħares lejn ir-rejd tal-bieraħ mil-lenti tat-turisti. Spjega li dawn it-teatrini ma tantx huma reklam tajjeb.
L-attività fl-Armier ġabet ukoll ir-reazzjoni tal-attivisti tal-Kamp Emerġenza Ambjent, li qalu li nnutaw li bosta bajjiet madwar Malta u Għawdex ittieħdu minn entitajiet kummerċjali, li qed jimlewhom b’deckchairs u umbrelel minn filgħodu kmieni.
Saħqu li l-kumpaniji għandhom iwaqqfu immedjatament dawn il-prattiċi tar-regħba, li qed joħonqu l-bajjiet pubbliċi u li l-awtoritajiet ikkonċernati jiżguraw li d-dritt tan-nies li jgawdu l-bajjiet, jiġi mħares