Dalgħodu kompla jixhed Ian Abdilla, l-eks Kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi, fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Illum Abdilla ġie mistoqsi fuq l-investigazzjonijiet fuq il-Bank Pilatus, Egrant, u l-Panama Papers.
L-inkjesta għandha tiddetermina jekk l-istat u l-awtoritajiet setgħux jagħmlu iktar biex il-ġurnalista ma tinqatilx.
11:17 Grazzi talli segwejtuna. Il-ġurnata t-tajba!
11:12 Is-seduta li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa fid-9.30am.
11:12 Ix-xhieda ta' Ian Abdilla tintemm hawn.
11:11 Ian Abdilla jgħid li hemm ħafna postijiet fejn wieħed imur ifittex, imma ma jwiġibx speċifikament fuq il-preżenza ta' Nexia BT fil-Ministeru, u dwar għaliex il-pulizija ma ħadux is-servers ta' Nexia BT.
11:10 Dr Azzopardi jistaqsih isibhiex stramba li l-istess kumpanija privata li kellha uffiċċju fil-Ministeru kienet dik li fetħet kumpaniji sigrieti fil-Panama għal persuni Maltin involuti fil-politika. "Għalhekk kellkom tieħdu s-servers ta' Nexia BT," itemm jgħid Azzopardi.
11:10 Abdilla jgħid li jaħseb li xi kompjuters ta' Nexia BT ittieħdu minn bini ministerjali waqt l-inkjesta Egrant.
11:09 Ix-xhud iwieġeb fl-affermattiv. Jgħid li ħaseb li Azzopardi se jsemmilu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
"Kienu jsemmu l-OPM, imma kien il-Ministeru għall-Ġustizzja," jikkjarifika Azzopardi.
11:08 Fl-investigazzjoni, ġie stabbilit li Nexia BT, kumpanija privata, kienet preżenti fiżikament f'ministeru minnhom. Dr Azzopardi jistaqsi lix-xhud jikkonfermax li dan kien il-Ministeru għall-Ġustizzja.
11:07 Ix-xhud hu mistoqsi fuq l-ittri bil-mistoqsijiet mibgħuta mill-pulizija f'pajjiżi oħra.
Jispjega li dan hu proċess twil, u li qegħdin jibagħtu l-informazzjoni kollha li għandhom flimkien mal-ittri.
11:07 Lofaro tgħid li kieku hi, kienet tarrestah jew tagħtih il-bail.
11:06 L-avukat iżid jgħid li dak iż-żmien kien hawn protesta nazzjonali. Jistaqsi lill-eks Kap tal-ECU għaliex ma investigawx. "Jekk nagħmel riklam fuq is-Sunday Times li se nagħmel hold-up, il-pulizija ma jiġbrunix?" jistaqsi Azzopardi.
"Hi mistoqsija antipatka," iwieġeb Abdilla.
11:05 Azzopardi jistaqsi lil Abdilla kemm-il investigazzjoni bdiet minn xi ħaġa li kitbet Daphne Caruana Galizia. Abdilla jwieġeb li l-ebda.
11:03 Dr Jason Azzopardi jsemmi kif fl-2016, Daphne Caruana Galizia kienet semmiet li Neil Chennoweth, media partner tal-ICIJ semma lil persuni Maltin esposti politikament (PEPs).
11:03 Abdilla jikkummenta fuq is-salarji li għandhom l-analisti finanzjarji fl-industrija tal-iGaming meta kkumparati mal-paga li jaqilgħu l-pulizija.
11:02 Abdilla jikkummenta li l-infurzar mhux kwistjoni tal-pulizija biss. Isemmi kif l-MFSA, l-FIAU, eċċ. ma kinux pari passu mal-industrija, li kulma jmur, dejjem qed tikber.
11:02 Il-Prim Imħallef Emeritu jgħid li l-infurzar huwa problema f'Malta.
11:00 Meta telaq mit-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi, kien hemm madwar 82 uffiċjal. Fl-2016, it-Taqsima kellha 36 uffiċjal.
Jgħid li hemm ħafna xogħol xi jsir. Hu prova jimbotta biex ikun hemm 22 spettur tal-pulizija fl-ECU. Bħalissa hemm erbgħa u tmienja qegħdin jiksbu t-taħriġ.
10:59 Ix-xhud jgħid li li kieku kienu jafu dak li jafu llum, jew kellhom ir-riżorsi li għandhom illum, kienu jaħdmu aħjar.
10:58 Huwa mistoqsi dwar Montenegro.
Fuq Cifidex iltaqgħu ma' Montenegro permezz ta' tranżizzjoni ma' 17 Black. Iżjed evidenza ħarġet mill-apparat elettroniku li ġabru.
Bagħtu ittri b'mistoqsijiet lil pajjiżi oħra wkoll.
10:57 Abdilla jgħid li ltaqa' ma' Keith Schembri darbtejn. Imbagħad jgħid li qatt ma ltaqa' ma' Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat. Rahom biss fl-inkjesta.
10:56 Abdilla jgħid li d-dokumenti misjubin dehru awtentiċi u ġenwini.
10:51 "Ma nistax naqbad dokument li qatt ma rajt bħalu qabel u ngħid li hu ġenwin," jgħid Abdilla. Imbagħad, minħabba f'hekk, ġew interrogati diversi nies.
10:50 Id-dokumenti ntbagħtu Dubaj biex tiġi kkonfermata l-awtentiċità tagħhom.
10:50 Il-Prim Imħallef Said Pullicino jistaqsi fuq ir-rejd li sar għand Yorgen Fenech, meta l-pulizija ġabru l-memorandum u dokumenti oħra ta' 17 Black.
10:47 "Insibha diffiċli nemmen li l-Kap tat-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi ma kienx involut," tikkummenta l-Imħallef Lofaro.
"Ma kontx infurmat," itenni Abdilla.
10:46 Azzopardi jgħid lix-xhud jispjega għaliex il-pulizija għall-ewwel qalu li ma kienx hemm suspetti fil-Bank Pilatus, u mbagħad wara li Joseph Muscat għamel l-ilment kriminali, huma bdew jinvestigaw.
Abdilla jwieġeb li hu ma kienx involut.
10:44 L-Imħallef Abigail Lofaro tikkummenta li li kieku kienet hi, ma kinitx tiddiskutiha miegħu. Tinsisti li l-maġistrati mhux qegħdin hemm għall-pariri, għax din mhix etika.
10:44 "Meta bdiet Egrant, kellimt lil diversi maġistrati, u wħud qaluli li bl-evidenza li kelli, ma kinux jagħtuni l-mandat. Tlabt il-parir ta' ħafna maġistrati," jgħid Abdilla minn jeddu.
10:42 Azzopardi: "Meta tridu tieħdu xi ħaġa minn dar xi ħadd bħala uffiċjali tal-pulizija, x'tagħmlu?"
Abdilla: "Inġibu mandat."
Azzopardi: "Mingħand min?"
Abdilla: "Mingħand il-maġistrat on call."
Azzopardi: "Jiġifieri qeħdin fil-bidu ta' Mejju u minkejja din l-evidenza kollha, ma ħassejtx il-ħtieġa li tmur għand il-maġistrat on call u titolbu għal mandat?"
Abdilla: "Konna noqogħdu attenti li jkollna l-evidenza kollha l-ewwel."
10:40 Azzopardi jipprovdi d-dettalji f'din l-ordni:
– Meta l-karti tqattgħu f'Nexia BT;
– F'Marzu tal-2016 diġà kienu ġew iħħekkjati xi servers ta' Mossack Fonseca, u kien hemm l-irvelli fil-Brażil;
– F'April tal-2016 kien hemm il-bloggata ta' Daphne Caruana Galizia;
– Fil-bidu ta' Mejju, intalab il-parir tal-Avukat Ġenerali.
10:40 Abdilla jgħid li lanqas din ma qajmet suspett.
10:39 Azzopardi jirreferi għal bloggata oħra ta' Caruana Galizia, din id-darba fuq Nexia BT, datata fil-11 ta' Marzu tal-2016.
(daphnecaruanagalizia.com/2016/03/the-large-number-of-rubbish-bags-containing-documents-were-picked-up-by-a-kasco-van/)
10:38 Dr Azzopardi jistaqsi jekk il-fatt li s-sid (UBO: Ultimate Beneficial Owner) ġie żvelat fuq Skype kienx ta' suspett partikolari.
Abdilla jwieġeb minn taħt l-ilsien.
10:36 L-avukat isemmi kif Abdilla u diversi xhieda oħra stqarrew li l-blogg ta' Daphne Caruana Galizia, Running Commentary, kienu jużawh bħala sors miftuħ. Jistaqsih jekk il-pulizija investigawx dak iż-żmien, f'April tal-2016.
Abdilla jgħid li le.
10:36 Dr Azzopardi jirreferi għal bloggata mtellgħa minn Caruana Galizia fil-11 t'April tal-2016 fuq Egrant, it-tielet kumpanija fil-Panama, li twaqqfet fl-istess żmien bħall-kumpaniji ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri.
10:35 Jibda bil-mistoqsijiet tiegħu lix-xhud Dr Jason Azzopardi.
10:35 Abdilla jieħu nifs qawwi. Jgħid li mhux ċert. Issemma xi parir, imma hu ma jkunx jaf.
10:35 L-avukatessa tistaqsih jekk huwa staqsiex min ta l-parir legali u jekk ingħatax, fuq kollox.
10:34 Ix-xhud jispjega li lill-Kummissarju ċempillu għall-ħabta tat-8.30pm/id-9pm. Ingħata struzzjonijiet biex ma jmurx fil-Kwartieri tal-Pulizija. Abdilla jgħid li fehem li l-Kummissarju kien se jfittex parir legali. Imbagħad, xi l-10pm, mar il-Kwartieri.
10:33 Dr Comodini Cachia tistaqsi fuq it-telefonata lill-Kummissarju tal-Pulizija.
10:32 Saru jafu lil Ali Sadr il-ġurnata wara li interrogawh. Dakinhar li interrogawh mar jorqod għand xi ħabib, jispjega Abdilla.
10:32 Ix-xhud jgħid li ssemmiet, imma dak iż-żmien Egrant ma kkunsidrawhiex.
10:31 L-avukatessa ssemmi kif Egrant ħarġet fil-pubbliku xahar qabel Operation Green, fl-2016. "Kif ma ntbaħtux bir-rabta?"
10:30 Abdilla jwieġeb li ntbagħtu ittri bil-mistoqsijiet il-Panama. Dawn ma kinux biss fuq Egrant, imma anke fuq Hearnville, Tillgate u l-bqija.
Ix-xhud jerġa' jgħid li għadda ħafna żmien minn dakinhar 'l hawn.
10:29 Dr Comodini Cachia tistaqsi, "Xi stennejtu li se ssibu fl-2017? Waqt l-investigazzjoni tal-pulizija investigajtu l-konnessjoni bejn il-Panama Papers u Egrant? Investigajtu r-rabta bejn Egrant, Hearnville, Tillgate u MacBridge?"
10:29 Il-mistoqsija li jmiss hija dwar il-ħtif tas-server ta' Nexia BT, u għaliex dan is-server ma ttiħidx fl-2016.
10:28 It-tweġiba ta' Abdilla qed titqies bħala rifjut li jwieġeb.
10:28 L-Imħallef Lofaro tgħidlu li mhuwiex iwieġeb il-mistoqsija, lanqas qed jindirizzaha.
10:27 "Diġà spjegajt l-aħħar darba. Il-pulizija tinvestiga skont x'evidenza jkollha," iwieġeb Abdilla.
10:26 Lofaro tgħid lix-xhud li issa qed jiġi mistoqsi jikkumpara s-sitwazzjoni, u jispjega għaliex ma ttiħditx azzjoni dak iż-żmien.
10:26 Abdilla jgħid li diġà spjega.
10:25 L-avukatessa ssemmi kif sena qabel sar l-ilment kriminali, kien hemm rapport mill-FIAU li kien qed jissuspetta li sar ħasil tal-flus sena qabel.
"Kif tispjega li l-pulizija ħadu azzjoni fuq dan malli sar l-ilment kriminali mill-Prim Ministru?"
10:25 Tibda tistaqsi Dr Comodini Cachia fuq dan, li qed tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia.
10:25 Mallia jippersisti bil-mistoqsijiet u jistaqsi lil Abdilla jekk kienx staqsieh lil Tonna għall-isem, u għaliex intuża Skype.
Abdilla jgħid li dan kollu huwa spjegat fir-rapport tal-Egrant.
10:23 Abdilla jgħid li Tonna insista li Egrant kienet tiegħu. Ikompli jitkellem, iżda donnu jevita li jwieġeb direttament. Jgħid li normali tikkomunika minn fuq Skype.
10:22 Il-Prim Imħallef jistaqsi fuq l-email ta' Nexia BT li fih jingħad li Mossack Fonseca kien infurmat li isem is-sid ta' Egrant kien se jingħatalu minn fuq Skype.
Mallia jistaqsi jekk il-pulizija staqsewx lil Brian Tonna x'isem ta fuq Skype. "Mistoqsija sempliċi u diretta," jikkummenta Mallia.
10:19 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi jekk Ali Sadr kellux residenza f'Malta.
Abdilla jgħid li normalment kien joqgħod f'lukanda, iżda mbagħad saru jafu li kellu dar f'Malta. Ma jistax jiftakar kinitx reġistrata fuqu jew fuq martu.
10:18 L-allegazzjonijiet dwar Egrant kienu ilhom iberrnu. Uħud allegaw li Egrant kienet ta' John Dalli. Abdilla jispjega li dakinhar li ġie allegat li Egrant kienet ta' Michelle Muscat, Joseph Muscat għamel ilment kriminali.
10:18 L-ewwel persuna li daħlet, imbagħad, kienet il-Maġistrat Aaron Bugeja. L-impjegati ta' Nexia BT u tal-Bank Pilatus kellhom jistennew barra.
10:17 L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kienu hemmhekk. Dakinhar, il-Maġistrat Aaron Bugeja kien il-Maġistrat tal-jum. Kien hemm uffiċjal tal-pulizija stazzjonat barra l-Bank Pilatus u Nexia BT.
10:17 "Ridt tkun hemm biex tifhem," iwieġeb Abdilla.
10:16 Il-Prim Imħallef Emeritu jikkummenta dwar kif Abdilla kien jaf bihom ħerġin mill-bank, u ħalla l-ħin jgħaddi. Jistaqsi lix-xhud jekk jaħsibx li billi ħalla l-ħin jgħaddi, jaf tilef xi evidenza importanti.
10:16 Lofaro tistaqsi għaliex l-ilment ma kienx iffirmat mill-Avukat Ġenerali. Abdilla jsemmi kif Dr Gatt kien l-avukat personali ta' Muscat.
10:15 Għall-ħabta tal-10pm, Dr Edward Gatt kien avviċinahom bi lment kriminali mingħand il-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan kien dwar allegazzjonijiet ta' malafama u fuq potenzjalment ħasil tal-flus.
10:14 "U l-Kummissarju kellu ikla l-Imġarr…" tikkummenta Lofaro.
Il-Kummissarju qal lil Abdilla biex ma jmurx lura għax-xogħol. Abdilla jsemmi kif il-pulizija kienu talbu parir legali dwar x'azzjoni għandhom jieħdu. Il-parir kien biex ma jintervjenux.
10:14 L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi x'ħin marru l-bank wara li raw il-filmat.
Abdilla jgħid li dakinhar kellu ġurnata impenjata. Kien ċempel lil Silvio Valletta u Valletta ċempel lill-Kummissarju.
10:12 "Iva," jikkonferma Abdilla, "il-ġurnalisti ntalbu jixhdu u spjegaw dan kollu fl-inkjesta."
Jgħid li ġie infurmat dwar il-filmat, peress li kien għadu kif wasal id-dar meta ra dan il-filmat ta' Ali Sadr ħiereġ mill-bank f'Ta' Xbiex.
10:11 Il-Prim Imħallef isemmi kif l-ewwel darba li xehed Abdilla fl-inkjesta, qal li l-filmat ta' Ali Sadr Hasheminejad ħiereġ mill-Bank Pilatus Bank ma kienx live, imma filmat rekordjat.
10:07 Isemmi kif il-kliem Egrant, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Hearnville, Tillgate, kollu ngħata lill-esperti forensiċi bħala kliem importanti fl-investigazzjoni. Jgħid li l-inkjesta tal-Egrant damet sena u nofs.
10:06 Ix-xhud jissokta jgħid li l-inkjesta fuq Egrant għenet fl-inkjesti dwar Hearnville. Xi dokumenti ntużaw f'inkjesti oħra.
10:04 Jistaqsi dwar sid Egrant.
Abdilla jgħid li Brian Tonna kien insista li kienet tiegħu, li xtraha għal klijent potenzjali. Jistqarr li ma sabu l-ebda evidenza li tikkontradixxi dan. Dan jinkludi l-informazzjoni kollha miksuba mill-Panama u mill-Panama Papers. Jinnota li l-iskop tal-inkjesta kien wieħed dejjaq.
10:03 L-Imħallef Emeritu Mallia m'għandux aktar x'jistaqsi. Il-Prim Imħallef Said Pullicino jibda bil-mistoqsijiet tiegħu għax-xhud.
10:02 Abdilla jistqarr li peress li għadda ż-żmien, ma jistax ikun preċiż, u mhuwiex f'pożizzjoni li jikkonferma d-dettalji li ddiskuta ma' Rivera. Jgħid, iżda, li żgur kienu jiċċekkjaw dwarha.
10:01 L-Imħallef Emeritu Mallia jidher irritat, huwa u jgħid lix-xhud li kellu l-evidenza taħt imnieħru u donnu injoraha. Jisħaq li Rivera nnifsu ammetta li kien hemm miżapproprjazzjoni tad-dokumenti mill-bank. "U ma investigajtx?!" jgħidlu.
10:00 "Ma nistax ngħid," iwieġeb Abdilla. Jispjega li kien hemm żewġ inkjesti, waħda mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, dak iż-żmien Maġistrat, u oħra mill-Maġistrat Doreen Clarke.
09:59 L-Imħallef Emeritu jsemmi kif ftit wara li ħarġet din l-istqarrija mill-Bank Pilatus, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet fil-blogg tagħha li sa dik id-data, l-uniċi dokumenti maħruġin mill-bank kienu dawk li kellhom x'jaqsmu ma' min kien is-sid ta' Egrant. Jistaqsi lix-xhud jekk huwa investigax dan.
09:56 "Ma neskludix li Rivera ma xehedx dwar dan fl-inkjesta dwar Egrant," jgħid Abdilla. Jissokta jgħid li tkellmu ma' diversi nies f'dik l-inkjesta, u allura hemm ċans kbir li din il-kwistjoni ġiet diskussa ma' Rivera dak iż-żmien.
09:55 Luis Filippe Rivera kien wieħed mix-xhieda waqt l-inkjesta Egrant. Xehed diversi drabi fl-inkjesta.
09:54 Tidħol l-Avukatessa Therese Comodini Cachia.
09:53 Mallia jistaqsi jekk il-pulizija kinux staqsew lil Rivera fuq id-dokumenti kunfidenzjali u l-informazzjoni li kien qed jirreferi għaliha.
Abdilla jispjega li hu ma kienx involut direttament dak iż-żmien, u kien iddelega dan ix-xogħol lil spettur. Jgħid li mhux ċert 100% imma jista' jkun li Rivera qed jirreferi għall-compliance report u għall-korrispondenza.
09:52 L-Imħallef Emeritu jistaqsi jekk il-pulizija kinux staqsew lil Rivera x'ried ifisser bil-kliem, "having its reputation threatened by false and defamatory allegation."
"Le," iwieġeb Abdilla.
09:51 Ikompli jgħid li f'dawk il-ġimgħat, hu u l-Maġistrat kienu jaraw kull artiklu fil-midja l-ewwel ħaġa kull filgħodu, biex jaraw jekk kinitx ġiet żvelata xi informazzjoni mill-investigazzjoni. Il-Maġistrat kien bagħat għal xi ġurnalisti wkoll.
09:50 Ix-xhud itenni li l-istqarrija ma ngħatatx lill-Maġistrat Bugeja.
09:50 Ix-xhud huwa mistoqsi jekk l-istqarrija inkwistjoni ngħatatx lill-Maġistrat Aaron Bugeja, il-Maġistrat li mexxa l-inkjesta fuq Egrant. Abdilla jgħid li ma jaħsibx.
09:49 Abdilla jispjega li lil Rivera kellmu fuq il-kumpanija Egrant, eċċ. Jgħid li jassumi li l-uffiċjal tal-pulizija li investiga l-leak imsemmija kellmu fuq l-istqarrija maħruġa fil-11 ta' Mejju tal-2017.
09:47 Luis Filippe Rivera kien għamel rapport mal-Pulizija dwar l-allegati "leaks." Fl-istqarrija tintuża l-kelma "leak" biex tirreferi għal meta l-FIAU żaret il-bank issa mxolji.
09:46 Ian Abdilla jgħid li jafu. Jistqarr li l-Pulizija ma kinitx interrogat lil Rivera fuq l-istqarrija li għadha kemm inqrat silta minnha. Huwa kien preżenti għat-tfittxijiet kollha li saru fil-Bank Pilatus.
09:44 Mallia jgħid li l-istqarrija ġiet iffirmata minn Luis Filippe Rivera. Jistaqsi lix-xhud jekk jafux u jekk kienx interrogah.
09:42 L-Imħallef Emeritu jibda jaqra mill-istqarrija datata fil-11 ta' Mejju, 2017.
L-istqarrija tgħid, "Pilatus Bank on May 8, 2017 has commenced legal actions in the USA for defamatory actions. The bank will pursue all parties and individuals all legal action…"
09:41 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jinforma lix-xhud li se jistaqsih dwar stqarrija maħruġa mill-Bank Pilatus.
09:40 Ian Abdilla jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
09:38 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla.
09:35 L-avukati li qed jirrappreżentaw lill-familja, Dr Jason Azzopardi u Dr Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista, ukoll qegħdin hawn.
09:35 Ninsabu f'awla 22. Ix-xhud Ian Abdilla jinsab fl-awla. L-avukat tiegħu Dr Ian Refalo wkoll qiegħed hawnhekk.
09:34 L-għodwa t-tajba. Nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-qorti.
Xi sigħat wara li ntemmet is-seduta fil-qorti, il-Ministru Owen Bonnici kiteb fuq Facebook li mhuwiex minnu li Nexia BT kellha kienet preżenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja waqt li hu kien jokkupa l-kariga.
Saħaq li dan hu kollu gideb ta’ Jason Azzopardi.
Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.