Ikompli jinstema appell biex barriera tinbidel f’dar tal-anzjani

Nhar it-Tlieta se jkompli jinstema' l-appell dwar applikazzjoni biex barriera f’Wied Għomor tinbidel f’dar tal-anzjani.
L-appell mill-iżviluppaturi huwa kontra d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Awtorità tal-Ippjanar b'vot unanimu li din l-applikazzjoni għandha tiġi rifjutata.
Skont il-minuti tal-bord din l-applikazzjoni kienet irrifjutata minħabba li ż-żona fejn kien propost l-iżvilupp se jirriżulta f’iktar urbanizzazzjoni. Is-sit jinsab fiż-żona barra mill-konfini tal-iżvilupp (ODZ).
Il-minuti jkomplu li m’hemmx biżżejjed ġustifikazzjoni biex id-dar tax-xjuħ tinbena u li tmur kontra l-iSPED (il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp) u l-objettivi rurali.
Wied Għomor huwa żona ta’ importanza ekoloġika u sit ta’ importanza xjentifika. Il-Wied qed jaffaċċja diversi applikazzjonijiet li fl-oġġezzjoni tagħha, l-għaqda Din l-Art Ħelwa, kienet uriet kemm dawn jinsabu viċin. Din l-Art Ħelwa kienet fakkret li l-wied jinsab f’ODZ u għandu bżonn il-protezzjoni.
Id-dar tal-anzjani ta’ 133 sodda tinkludi wkoll ristorant u gym li mhux se jintużaw esklussivament għad-dar.
Il-Front Ħarsien ODZ kien sejjaħ lit-tribunal biex jikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Front kien qal li d-deċiżjoni tal-Bord tal-PA tirrifletti l-kunsens li hemm fis-soċjetà ċivili kontra l-iżvilupp f’wieħed mill-ftit pulmuni ħodor li baqa’ f’din iż-żona. Barra minn hekk jidher li l-proġett kien imur kontra numru ta’ policies li jinkludi l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp li jillimita l-iżvilupp għaż-żona urbana u jobbliga lill-iżviluppaturi jikkunsidraw siti fiż-żona urbana qabel ma jsiru proposti fuq ODZ. Il-Front kien talab lill-Gvern biex jintervjeni u ma jingħatawx permessi ta’ żvilupp fuq art pubblika fiż-żona.
Fi stqarrija iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Partit Demokratiku sejjaħ lill-Awtorità tal-Ippjannar biex tirrifjuta dan l-iżvilupp minkejja li issa r-responsabbilità tinsab f’idejn it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjannar (EPRT).


Photomontage tad-dar tal-anzjani.