Ikompli jiltaqa’ l-PAC dwar ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta

Quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, li qiegħed jistħarreġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri taż-żejt fl-Enemalta, l-eks Kap Eżekuttiv Karl Camilleri qal li kien iltaqa’ George Farrugia.

Camilleri wieġeb għal ammont konsiderevoli ta’ mistoqsijiet fejn ammetta li kien iltaqa’ George Farrugia, li kien ir-rappreżentant tat-Total/Totsa f’Malta.

Qal ukoll li kien miegħu d-dar il-laptop tal-uffiċċju iżda li dejjem irrispetta l-kunfidenzjalita’ tax-xogħol.

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta sostna li qatt ma kellu indikazzjoni ta’ xiri irregolaritajiet fil-proċess tax-xiri taż-żejt u għalhekk qatt ma investiga l-proċess tax-xiri taż-żejt mill-Korporazzjoni.

Camilleri qal li kien issuġġerixxa li dan il-proċess għall-aġġudikazzjoni jiġi ppubblikat iżda dan ma sarx minħabba li l-informazzjoni kienet sensibbli kummerċjalment.

Karl Camilleri kien mistoqsi wkoll fuq il-proċess tal-password li biha l-membri tal-Kumitat setgħu jaraw l-offerti.

Huwa kkonferma li din il-password kienet tasal mingħand il-MITA qabel jibdew il-laqgħat għall-aġġudikazzjoni.

Karl Camilleri saħaq li hu kien staqsa jekk jittieħdux il-minuti tal-laqgħat u rrimarka li t-tweġiba li ngħata kienet li l-prassi ma jittieħdux.

Qal li l-minuti bdew jinżammu wara li saret reviżjoni tal-proċeduri.

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta kien mistoqsi kif kien hemm każ fejn il-Kumitat għax-xiri taż-żejt kien reġa’ ltaqa’ l-għada li kienet ittieħdet deċiżjoni u dan wara li sar ilment b’telefonata mingħand Totsa.

Camilleri wieġeb li kien hemm problema teknika u l-imejl bl-offerta ma kinitx waslet.

Qal li kien barrani li għamel l-ilment.

Ir-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni staqsew jekk kienx hemm indħil min-naħa ta’ Austin Gatt meta kien Ministru.

Camilleri qal li kien hemm direzzjoni mill-Ministeru li fuq ix-xiri taż-żejt ma kellux jidħol fiha.

Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament se jerġa’ jiltaqa’ l-Ġimgħa filgħodu fejn se jkompli jixhed Karl Camilleri.