Ikompli jberraq għall-Kindergarten Assistants

Eks studenti tal-MCAST esprimew “id-dispjaċir kbir” tagħhom ma’ Newsbook.com.mt li wara sentejn stinkar ta’ ’l fuq minn 1,000 siegħa kors, spiċċaw bla xogħol wara r-reviżjoni tal-lista tal-Kindergarten Assistants, li saret ġimgħa ilu mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Dawn l-istudenti temmew il-kors Advanced Diploma in Children’s Care, Learning and Development li huwa fuq bażi full-time u mifrux fuq medda ta’ sentejn. Uħud minnhom stqarru li kien ta’ sagrifiċċju finanzjarju għalihom li jsegwu l-kors, bir-responsabbiltajiet familjari tagħhom, iżda għamluh bit-tama li jsibu impjieg tajjeb wara.

“Ippremjati dawk li ħadmu inqas”

Huma enfasizzaw id-differenzi kbar bejn dan il-kors ta’ livell 4 (li wħud mill-istudenti komplewh sa livell 5) li għamlu huma, li jinkludi 800 siegħa ta’ taħriġ prattiku fil-klassi, u żewġ korsijiet oħra part-time, offruti minn Future Focus u ETC, li huma mifruxa fuq 82 siegħa fil-klassi u 360 siegħa ta’ prattika biss. Huma ġew infurmati li l-kors tagħhom ta’ livell 4 jiswa daqs 3 A’levels.

Ewlenija fost dawn id-differenzi hi li l-istudenti tal-kors tal-MCAST huma mħarrġin aktar – aktar sigħat ta’ taħriġ fil-klassi, ikunu studenti għalliema għal xi żmien ma’ tfal sa ħames snin u 120 credit.  L-oħrajn jipprattikaw ma’ tfal sa tliet snin u għandhom massimu ta’ 65 credit.

Il-problema tfaċċat meta fir-reviżjoni fil-lista tal-klassifikazzjoni tal-Kindergarten Assistants li wettaq il-Ministeru, dawk l-aktar kwalifikati (tal-MCAST), niżlu ’l isfel drastikament fil-lista, tant li spiċċaw wara dawk li segwew il-korsijiet part-time. Dan seħħ lil għadd kbir minnhom, li skont is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt, kienu minn ta’ quddiem.

“Mhux fair u mhux ġust,” qalu fuq kif ġew ittrattati. Uħud minn dawn l-istudenti li fil-bidu kienu fuq quddiem tal-lista, lanqas qatt ma ngħataw iċ-ċans li jgħallmu, għaliex l-ewwel reviżjoni tal-lista li saret fil-bidu tas-sena kienet diġà xeħtithom lura.

L-eks studenti stqarrew li meta applikaw għal xogħol, l-esperjenza tagħhom ta’ 800 siegħa fit-taħriġ prattiku fil-klassi, ma ġietx ikkunsidrata għaliex kienet parti mid-Diploma. Għalhekk ingħataw il-prijorità supply teachers, u dawk li kellhom esperjenza fi Klabb 3-16 u SkolaSajf. Sors minnhom saħqet, “Hemm min ma ngħata ebda rispett.”

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jwieġeb

Kelliema għall-Ministeru għall-Edukazzjoni qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-lista ta’ kindergarten assistants ġiet riveduta l-ewwel darba f’Jannar wara li l-Ministeru rċieva xi petizzjonijiet mingħand l-applikanti, li b’kollox kienu 207.

Il-Ministeru spjega li d-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) u l-bord magħżul bdew fi Frar, iżda d-deċiżjoni li l-lista terġa’ tiġi riveduta skont il-kriterji l-ġodda ttieħdet f’Ġunju, u l-lista l-ġdida ġiet ippubblikata fit-8 ta’ Ġunju.

Il-Ministeru fakkar li l-istudenti qegħdin jiġu mistiedna fuq livell individwali sabiex jiddiskutu din is-sitwazzjoni.

Il-kelliema għall-Ministeru ma weġbitx il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar:

  • Kemm kien hemm applikanti li lmentaw
  • Kemm mill-istudenti ġabu riżultat agħar u aħjar wara r-reviżjoni
  • Liema kriterji ġew ikkunsidrati fir-reviżjoni tal-lista
  • Min kien il-bord li wettaq ir-reviżjoni u lil min qed jinvestiga l-Gvern
  • U x’se jsir mill-Kindergarten Assistants li minn ta’ quddiem waqgħu lura fil-lista