Ikompli is-smiegħ tax-xhieda fil-PAC dwar ix-xiri taż-żejt

Quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, xehdu l-eks Chairman tal-Enemalta Edward Gatt Baldacchino u l-eks Kap Eżekuttiv David Spiteri Gingell.

Il-Kumitat qiegħed jistħarreġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri taż-żejt.

Edward Gatt Baldacchino ċahad kif kien irrappurtat fil-gazzetti li x-xiri taż-żejt kien xi dominju tal-eks Chairman Alex Tranter.

Huwa sostna li kulħadd kien jieħu sehem fl-għażla.

Dwar il-minuta, Gatt Baldacchino qal li kien ikun hemm formula li kienet timtela fit-tmiem tal-laqgħa.

Qal li fehma tiegħu il-proċedura riedet tinbidel u tissaħħaħ.

Dwar l-allegat indħil mill-eks Ministru Austin Gatt, Edward Gatt Baldacchino sostna li kulħadd għandu dritt li jikkummenta.

David Spiteri Gingell qal li kien hemm ħafna affarijiet li xtaq ibiddel fit-tmexxija tal-Enemalta iżda ma sabx kollaborazzjoni.

Huwa sostna li ma kienx hemm indħil mill-eks Ministru Austin Gatt iżda l-indħil sabu mill-Ministeru tal-Finanzi fejn sostna li ma kienx allokat biżżejjed fondi biex iħaddem il-Korporazzjoni kif ried.

Spiteri Gingell sostna li f’korporazzjoni ta’ biljuni ta’ ewro ma kienx hemm biżżejjed accountants biex jagħmlu x-xogħol meħtieġ.

Kien għalhekk ukoll qal li jirriżenja mingħajr impjieg alternattiv.

L-eks Kap Ezekuttiv sostna li fit-18 ta’ Ġunju kien ikkomunika ma’ Alex Tranter dwar l-investiment ta’ aktar minn €80 miljun ewro fl-ismart meters u sostna li l-Korporazzjoni Enemalta ma kinitx ippreparata sabiex tidħol għal dan l-investiment.

Dwar l-għażla tal-BWSC għall-estensjoni tal-power station, David Spiteri Gingell qal li l-għażla saret għaliex b’mod immedjat l-estensjoni ma setgħetx taħdem bil-gass.

Filwaqt li ddefenda din l-għażla sostna li ma kienx hemm l-infrastruttura meħtieġa.

Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament se jerġa’ jiltaqa’ fid-19 ta’ Settembru li ġej fejn se jixhed l-eks Kap Eżekuttiv, l-Inginier Karl Camilleri.