Ikompli d-dibattitu dwar id-deċiżjoni tal-President fuq Delia

Read in English.

Id-deċiżjoni tal-President George Vella li għażel li ma jneħħix lill-Kap Nazzjonalista mill-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ddominat ir-rappurtaġġ tal-gazzetti u tas-siti tal-midja.

Delia ‘salvat’ mill-President

Il-MaltaToday qalet li l-President ‘salva’ lil Delia li wara l-konferma tiegħu fetaħ il-kanuni fuq il-Gvern Laburista. L-istess sit innota li d-diskors ta’ Delia wara d-deċiżjoni tal-President saret f’xandira televiżva mingħajr il-preżenza tal-ġurnalisti. B’hekk l-għassiesa tal-poter ma kellhom ebda opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.

Il-MaltaToday kitbet ukoll li l-qasma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista reġgħet ġiet ikkonfermata hekk kif dawn il-Membri Parlamentari li vvutaw kontra Delia fil-vot ta’ fiduċja għadhom fil-partit.

Theddid’ minn Delia

Is-sit Lovin Malta ħa l-kummenti tal-MP Therese Comodini Cachia li kienet il-magħżula fost il-MPs li tilfu l-fiduċja f’Delia biex tieħu postu. Comodini Cachia qalet li Adrian Delia ġieli heddidhom u temmen li se jkompli b’dan it-theddid. Madanakollu ma qalitx li l-missjoni tagħha waslet fit-tmiem tagħha.

Interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni li ‘ma tfisser xejn’

Is-sit ta’ The Malta Independent ħareġ artiklu ta’ opinjoni miktuba minn Prof. Kevin Aquilina. Aquilina huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi fl-Università ta’ Malta.

Prof. Aquilina jgħid li l-interpretazzjoni tal-President ta’ Artiklu 90 tal-Kostituzzjoni tirrendi l-istess artiklu bla tifsira ta’ xejn.

Jikteb li skont il-Kostituzzjoni, jekk il-President jasal għall-konklużjoni li Delia ma jgawdix l-appoġġ tal-maġġoranza tal-grupp parlamentari tiegħu (kif ammetta George Vella stess) għandu għażla waħda biss: li jneħħi lil Delia minnufih.

L-Independent tirrapporta wkoll li Delia qal li jrid ibiddel is-shadow cabinet b’mod drastiku. Qal dan waqt il-programm Realtà fuq it-TVM.

L-editorjal tat-Times jistaqsi dwar jekk il-President serviex lid-demokrozija meta wara tliet ijiem ta’ konsultazzjonijiet wasal għall-konklużjoni li Delia għandu jibqa’ fil-pożizzjoni tiegħu biex iżomm l-istabbilità u l-kontinwità. Il-gazzetta tgħid li bid-deċiżjoni ta’ Vella, il-partiti politiċi issa telgħu għal-livell ta’ MPs.


Illum se jiltaqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista wara li lbieraħ Adrian Delia ġie kkonfermat bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni.

“Jekk il-maġġoranza tkun kontra Delia, inneħħih” – Il-President fi Frar

Fi Frar li għadda, il-President George Vella kien qal li jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jibqax appoġġjat mill-maġġoranza tal-membri fil-Grupp Parlamentari tiegħu, huwa jkollu jneħħih.

F’filmat iddatat fis-7 ta’ Frar tal-2020 tal-MaltaToday, il-President qal lill-ġurnalisti li jekk ikun hemm “provi konkreti” li Delia tilef is-sapport tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, huwa jieħu azzjoni. Qal li kien ikun fl-obbligu tiegħu li jagħmel dan, skont ma tgħid il-Kostituzzjoni.

Lura fi Frar, Vella kien stqarr li ma kienet waslitlu l-ebda evidenza ta’ dan li wasslitu biex jieħu azzjoni. Dan kien fil-perjodu meta 17-il Membru Parlamentari talbu lil Delia biex jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu wara li mar ħażin fi stħarriġ li sar dwar lil min jivvutaw in-nies kieku kellha ssir elezzjoni: jekk hux lill-Partit Laburista jew lill-Partit Nazzjonalista.