Il-Knisja fir-Renju Unit titlob lis-saċerdoti jifhmu b’sensittività lit-transgender

Il-Konfraternità tal-Kleru Kattoliku, li tiġbor fiha madwar 500 saċerdot minn madwar ir-Renju Unit, ħarġet stqarrija dwar l-ideoloġija tal-ġeneru li qed toffri sfida urġenti lil kull min hu involut fil-ministeru pastorali.
Fl-istqarrija l-Konfraternità qalet li s-saċerdoti qed jiltaqgħu ma’ numru dejjem jikber ta’ individwi fil-parroċċi tagħhom, li ma jistgħux jaċċettaw is-sess li twieldu bih u qed isofru minn dak li tissejjaħ “skluntentizza bil-ġeneru”. 
L-istqarrija hi maħsuba biex tgħin lis-saċerdoti biex jgħinu lil dawn in-nies b’sensittività u onestà.
Xi qassisin isostnu li hemm ħafna konfużjoni f’dawn il-każi għax meta wieħed jissuġġerixxi li persuna ma tistax tibdel is-sess mill-ewwel ikun akkużat b’mibegħda u moħħ magħluq.
Madankollu, r-risposta għal min mhux kuntent bis-sess tiegħu, ma tinstabx billi wieħed ma jaċċettax is-sess li għandu jew jipprova jikkoreġihom medikament, imma billi wieħed jindirizza l-fatturi emozzjonali u soċjali li huma l-vera kawża ta’ din il-kundizzjoni.
L-istqarrija tgħid li: “Filwaqt li jista’ jkun hemm difetti fil-ġisem, anke fejn jidħlu l-organi sesswali, dawn għandhom ikunu rrikonoxxuti u msewwija b’mod leġittimu. Dan hu differenti mill-ideoloġija tal-ġeneru li tgħid li ruħna jew il-fakultajiet psikoloġiċi u spiritwali jistgħu jvarjaw fis-sess jew fil-ġeneru mill-ġisem li jaħdem b’mod san”.
Wieħed mill-mexxejja tal-Konfraternità qal li hemm nuqqas ta’ gwida għas-saċerdoti u istituzzjonijiet Kattoliċi fejn jidħlu kwestjonijiet ta’ transgender, aktarx għaliex l-ideoloġija tal-ġeneru f’dawn l-aħħar snin infirxet ħafna.
“Qatt ma kien hemm sfida morali għall-antropoloġija Kattolika akbar minn din”, qal il-kelliem.
“Diġà kien hemm istituzzjonijiet Kattoliċi li huma komdi bil-prinċipji tal-ideoloġija tal-ġeneru u qed jirriskjaw li jabbandunaw il-pedamenti fundamentali ta’ dak li nifhmu li hu uman”.
Il-Konfraternità enfasizzat li l-istat attwali tad-dibattitu pubbliku mhux qed jgħin lil dawk  li mhumiex kuntenti bil-ġeneru tagħhom.
Dawk li jippritkaw l-ideoloġija tal-ġeneru spiss jippruvaw javvanzaw il-kawża tagħhom bil-polemika u l-propaganda li ma tgħinx lil dawk li huma verament inkwetati ħafna u li s-sitwazzjoni tagħhom titlob paċenzja u mħabba. Ħafna li jagħmlu interventi biex jibdlu s-sess, wara xi żmien jiddispjaċihom.
Il-Kleru Kattoliku wissa liż-żgħażagħ li ma jħallux lilhom infushom jieħdu deċiżjoni mgħaġġla li tkun irriversibbli meta jkunu għadhom ta’ età żgħira, meta minflok għandhom jistennew, jitolbu u jirrifletu u possibilment jaslu biex jibdlu d-deċiżjoni.
Il-veru ferħ jinsab meta wieħed jaċċetta l-mod kif Alla ħalqu għax il-pjan tiegħu għalina hu dejjem pjan ta’ mħabba infinita.