Ikollhom iħallsu sa €700 għal rapport dwar uliedhom

Ġenituri ta’ tfal bl-ADHD (Attention Deficit Hyperactivity Disorder) ikollhom iħallsu bejn €600 u €700 għal rapport dwar uliedhom minn psikjatra jew psikologu, biex it-tfal jitqiesu għall-għajnuna waqt l-eżamijiet. Iridu jħallsu wkoll bejn €400 u €500 għal follow-ups.
Il-ġenituri jkunu kostretti jħallsu meta rapporti mill-iStat ma jibqgħux jgħoddu għax idumu biex joħorġu. Kien hemm każi fejn familji ma talbux għall-għajnuna minħabba l-ispejjeż involuti.
Il-ġenituri qed jappellaw lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Università biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni inġusta u diskriminatarja.
“Differenti imma indaqs” bħal studenti oħra
It-talba tagħhom tinsab inkluża fir-rapport tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar bidliet proposti fis-sistema tal-eżamijiet, biex studenti bi bżonnijiet speċjali jitqiesu “differenti imma indaqs” bħal studenti oħra.
Il-ġenituri qed jitolbu wkoll li l-għajnuna li tingħata fl-eżamijiet tas-SEC, fosthom kamra b’inqas studenti għal inqas storbju u sa 25% ħin fi brejk taħt superviżjoni, għandhom jingħataw ukoll fl-eżamijiet tal-Matrikola li jsiru sentejn wara, meta l-istudenti jkunu għadhom ibatu mill-istess kundizzjoni.
Iħeġġu wkoll l-awtoritajiet biex jippermettu lill-LSAs tal-istudenti jkunu preżenti fl-istess kamra mal-istudenti waqt l-eżamijiet, sabiex iżidulhom is-sens ta’ sigurtà, anke jekk ma jgħinuhomx waqt l-eżami.