Ikla tal-Milied għal madwar 100 anzjan minn San Vincenz de Paul

Ritratt: DOI / Mario Mintoff

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ilbieraħ preseda ikla li ngħatat mis-segretarjat b’kollaborazzjoni mas-sezzjoni tal-kumitat tal-welfare ta’ San Vincenz de Paul, għal madwar mitt anzjan resident f’San Vincenz de Paul biex jingħataw il-ferħ li jixirqilhom minħabba li dawn għal xi raġuni jew oħra m’għandhomx qraba jew ħbieb iżuruhom.

Ritratt: DOI / Mario Mintoff

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li f’dan iż-żmien tal-Milied, ħadd ma jixraqlu li jbati mis-solitudni u għalhekk ħeġġeġ lil kull min għandu qraba anzjani biex isib ħin biex iferraħhom f’dan il-Milied.  Qal li l-festa tal-Milied hija festa ta’ mħabba u li allura tkun ħaġa sabiħa jekk naħsbu f’min f’dawn iż-żminijiet ibati mis-solitudni, biex immorru narawh, jew nagħtu dik it-telefonata, li tfisser ħafna għal min iħossu waħdu.

Ritratt: DOI / Mario Mintoff

Waqt l-attività li saret mis-segretarjat parlamentari, l-anzjani minn San Vincenz de Paul inħarġu minn San Vincenz u minbarra ikla sabiħa, ingħataw ukoll spettaklu ta’ divertiment biex jifirħu b’kant u żfin.

Ritratt: DOI / Mario Mintoff

Anthony Agius Decelis qal li s-sezzjoni tal-anzjanità attiva f’San Vincenz de Paul għandha ħaddiema dedikati ħafna u rringrazzjahom għax-xogħol li jagħmlu, xogħol li jsir mhux biss għall-paga, iżda għax verament għandhom għal qalbhom li jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tal-anzjani.